Lokali Qorti

Jallega ksur tal-Kostituzzjoni meta tteħdulu żewġ passaporti wara li tressaq il-Qorti

Anzjan ta’ 77 sena, li għandu ċ-ċittadinanza doppja, dik Maltija u Ingliża, ippreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn qed jallega ksur btal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamental ital-Bniedem wara li l-Qorti tal-Maġistrati ħaditlu ż-żewġ passaporti u saħansitra l-karta tal-identità fi Frar li għadda wara li kien tressaq il-Qorti b’arrest.

Giovanni Caruana qal fil-protest li ressaq li b’din id-deċI’joni huwa spiċċa mxekkel u dan permezz tad-drittijiet tiegħu f’dik li għandha x’taqsam mal-libertà tal-moviment, li minħabba f’hekk ma jistax imur jara lill-familja tiegħu li tinsab fl-Ingilterra. Il-protest jgħid ukoll li tali deċiżjoni tfisser li morna lura għal qabel l-1 ta’ Ottubru tal-1995, meta wara ħafna sagrifiċċji, kien tneħħa l-mandat tal-impediment tal-partenza.

Huwa qal li mhux biss qed iżomm lill-awtoritajiet Maltin responsabbli, iżda li jekk ma jittiħdux passi, se jikkonsidra passi ulterjuri inkluż li l-istorja tiġi ppubblikata fil-ġurnali ewlenin tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Caruana sadanittant argumenta wkoll li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni li dawn iż-żewġ dokumenti jinżammu, peress li illum l-awtoritajiet għandhom il-mezzi kif, x’ħin iridu, iġibu persuna lejn Malta, fosthom permezz tal-European Arrest Warrant u tal-Interpol.

Caruana qal wkoll li huwa twieled Malta u għamel 40 sena jaħdem l-Ingilterra, u llum li huwa pensjonant, ġie lura Malta. Huwa jirċievi l-pensjoni mingħand il-Gvern Ingliż. Peress li għamel żmien twil jgħix l-Ingilterra, Caruana qal li għandu żewġ passaporti, Malti u Ingliż.

Caruana ppreżenta dan il-protest kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, l-Ispettur Jonanthan Ransley, il-Ministru tal-Ġustizzja, id-Direttur Ġenerali tal-Qorti u l-Uffiċjal Ewlieni Inkarigat mill-Ħruġ tal-Passaporti.

Kien f’jum San Pawl ta’ din s-sena, li l-Ispettur Ransley ressaq lil Caruana l-Qorti, wara li l-Pulizija rċeviet rapporti li huwa kien barax il-karozza tal-ġar tiegħu. Aktar tard l-Ispettur Ransley kien żied akkuża oħra fil-konfront ta’ Caruana għaliex ħassu mhedded minnu, minħabba l-mod kif dan kien ġab ruħu waqt l-interrogazzjoni.

Wara li tressaq, il-Qorti kienet imponiet diversi kundizzjonijiet fil-konfront tal-anzjanb’rabta mal-ħelsien mill-arrest, fosthom li ma jistax isiefer minn Malta u li jikkonsenja l-karta tal-identità u ż-żewġ passaporti li għandu.

Fil-protest, li kien iffirmat mill-Avukat Emmy Bezzina, Caruana qal li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni min-naħa tal-Qorti għala għal żewġ akkużi li mhumiex serji, kellhom jitteħdulu l-passaporti u l-karta tal-identità.
Il-każ ilu jinstema’ għal dawn l-aħħar seba’ xhur u ma jidhirx li t-tmiem tal-provi huwa viċin.

Minħabba f’hekk, Caruana ppreżenta rikors quddiem il-Qorti kompetenti biex ikun jista’ jingħata dawn id-dokumenti lura.