Il-pożizzjoni ta’ difiża li qed jieħu l-Partit Laburista fil-kwistjoni tal-Australia Hall tikkonferma kemm Joseph Muscat għandu l-faħam miblul. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li meta wieħed jgħid li l-PL biegħ l-Australia Hall b’farka tal-valur oriġinali tagħha ta’ €10 miljun hu fatt. L-istess jista’ jingħad għall-fatt li l-PL akkwista din il-propjetà billi Joseph Muscat il-Prim Ministru waqqa’ l-kawża kontra Joseph Muscat il-Mexxej tal-PL.
Il-PN qal li fil-fixkla biex iwieġeb u jiddefendi l-aġir tiegħu f’dan l-iskandlu, il-PL ġab skuża meta qal li kien marbut ma’ prezz fil-konvenju. Il-Liġi hi ċara: il-valur jiġi kkalkulat fil-mument meta jsir il-kuntratt finali (agħfas fuq l-istampa ta’ isfel), jiġifieri f’dan il-każ f’Lulju li għadda. Il-PN appella biex kif isir f’każ ta’ koppja żagħżugħa li tixtri propjetà b’valur anqas minn dak reali, il-Gvern għandu l-obbligu jibgħat Perit biex jagħmel analiżi ta’ jekk il-valur li bih inbiegħet l-Australia Hall hux reali jew le.
Il-media diġà għamlet dan l-eżerċizzju, fakkar il-PN, u għalhekk il-Gvern m’għandu jsib l-ebda diffikultà biex l-istess eżerċizzju jsir kif suppost. Joseph Muscat għandu jżomm mal-wegħda tiegħu stess u jerfa’ r-responsabbiltà politika, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>

