Qorti

L-akkużat fil-qtil tal-Kalkara jingħata l-libertà proviżorja, sieħbu jgħid li l-inċident kien ilu ġej

Ir-raġel mill-Kalkara li f’Ottubru li għadda allegatament qatel lil missier is-sieħba tiegħu fil-Kalkara stess, u li fil-kumpilazzjoni preċedenti kien irriżulta li spara tliet tiri mill-qrib, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €30,000. Mill-provi kien irriżulta li fis-27 ta’ Ottubru 2013 il-vittma ntlaqat darbtejn f’idejh il-leminija u darba fis-sinsla ta’ dahru. Fix-xhieda tiegħu llum, sieħeb l-akkużat, Reno Said mill-Fgura, qal li dan l-inċident kien ilu jinħass ġej.

Gregorio Scicluna, ta’ 52 sena, qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Joseph Caruana, ta’ 61 sena. Scicluna magħruf bħala “il-Goodie”, qed jiffaċċa total ta’ 11-il akkuża, b’dik l-aktar serja tkun ta’ omiċidju. Hu jinsab mixli wkoll bl-attentat ta’ qtil tal-eks sieħba tiegħu għal disa’ snin Simone Caruana, ta’ 27 sena, kif ukoll taż-żewġt ibniet il-kbar tagħhom, waħda ta’ tliet u l-oħra ta’ ħames snin, kif ukoll li kkaġuna feriti serji fuq Simone Caruana u binthom ta’ tliet snin.

Reno Said, li hu wkoll ħabib tal-eks sieħba tal-akkużat, fil-Qorti qal ukoll li mhux l-ewwel darba li kellu jintervjeni minħabba argumenti li kienu jinqalgħu bejn il-koppja, u saħansitra ġieli spiċċa jżomm lil Scicluna milli jħebb għal Simone Caruana. Ix-xhud qal li s-sitwazzjoni bejn il-koppja kienet waslet paragunata ma’ “borma li kienet ilha tbaqbaq” wara numru ta’ inċidenti li kienu jinqalgħu fir-residenza tal-koppja.

Said, li kien qed jixhed għat-tieni darba fil-kumpilazzjoni, din id-darba quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli wara li l-każ m’għadux quddiem Edwina Grima għax minn Maġistrat ġie eleveta għal Imħallef, qal li lill-akkużat ilu jafu ħafna u ġieli kien imur għandu. L-argumenti ta’ bejn il-koppja kienu jkunu fuq diversi affarijiet, fosthom dwar l-imbarazz li jħallu t-tfal. Ix-xhud qal li l-imputat kien isir aggressiv u ġieli ħabat għas-sieħba tiegħu.

F’dan il-ħin, l-Avukat Difensur Michael Sciriha oġġezzjona għax-xhieda u kien deċiż li għal mument ix-xhieda tieqaf bix-xhud joħroġ mill-Awla. Min-naħa l-oħra, saret sottomissjoni min-naħa tal-Avukat Stephen Tonna Lowell, f’isem il-vittma, li tenna li din ix-xhieda hi importanti biex jipprova dak li ġara qabel ma seħħ il-każ inkwistjoni.

L-Avukat Tonna Lowell qal li jidher ċar li Reno Said sab diffikultà biex jixhed fil-preżenza tal-akkużat. Sostna li dan mhux stadju opportun li d-Difiża toqgħod tinterrompi u li ma jistax ikun li l-parti ċivili u l-Prosekuzzjoni jiġu mċaħħda milli jtellgħu xhieda ta’ importanza kbira.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Sciriha wieġeb li l-Qorti ma tistax taċċetta x-xhieda kollha. Qal li jekk kontinwamnet se jiġu mistoqsija affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ, kien se jopponi. Saħaq li dan il-każ se jispiċċa ġuri u l-ġurati lanqas biss jingħataw il-kondotta tal-akkużat. Dan juri kemm dak li qed tgħid il-parti ċivili ma jreġix. Ikkummenta wkoll dwar il-fatt li din hi t-tieni darba li x-xhud qed jittella’ jixhed.

Dwar dan, ikkummenta wkoll l-Ispettur Keith Arnaud, li qal li meta nstemgħet ix-xhieda ta’ Simone Caruana, hi wkoll spjegat li din ma kinitx a one off incident u għalhekk dan juri li l-borma kienet ilha tbaqbaq. Dan juri wkoll li l-nċident ma seħħx minħabba passjoni instantanja. Qal li ma hemm l-ebda limitu kemm-il darba bniedem jitla’ jixhed. Dan ix-xhud kien ġie mitkellem u meta xehed fil-Qorti ma semmiex ċerti affarijiet. Għalhekk, reġa’ ttella’ jixhed għat-tieni darba.

Il-Qorti ordnat li x-xhud ikompli jixhed u għalhekk reġa’ ssejjaħ fl-Awla biex ikompli bix-xhieda tiegħu. L-Ispettur staqsa lix-xhud x’kienu jkunu l-argumenti bejn l-akkużat u Simone Caruana. Ma’ din id-domanda, reġgħu bdew il-battibekki bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difża, bix-xhud reġa’ nħareġ mill-Awla għat-tieni darba. Il-Qorti tat Digriet u qalet li x-xhud għandu jirrispondi għall-mistoqsijiet li jsirulu. Id-Difiża qalet li fid-dawl tad-Digriet mogħti mill-Qorti, kienet qed tirriserva bl-akbar rispett il-pożizzjoni Kostituzzjonali tagħha.

Meta Said kompla jixhed, kien mistoqsi x’ried ifisser meta qal li Scicluna kien aggressiv fuq is-sieħba tiegħu. Qal li kien jerfa’ jdejh fuqha u li dawn l-inċidenti ġraw aktar minn darba. Mistoqsi kif kien jerfa’ jdejh, ix-xhud qal li “kien jerfgħa jdejh u spiċċa biex qatel lil missierha. Nirringrazzjaw lil Alla li ma qatilx lilha wkoll”. Hawn, il-Qorti ġibditlu l-attenzjoni biex ma jkomplix jixhed b’dan il-mod.

Said semma’ wkoll inċident partikolari, meta l-akkużat kien qed jiekol u kellu furketta f’idu. F’dak il-ħin, hu beda jargumenta ma’ Simone Caruana, li kellha t-tifla fuqha. L-akkużat xejjer idejh u laqat lit-tifla ż-żgħira bil-furketta. Sostna li dakinhar, din it-tifla kienet għadha tarbija. Dan l-inċident seħħ ħafna qabel ma seħħ id-delitt.

Kien mat-tmiem tax-xhieda li għal darb’oħra d-Difiża għamlet talba għal-libertà proviżorja. L-Ispettur Arnaud qal li l-Prosekuzzjoni kienet għadha qed topponi minħabba l-gravità tar-reat. Qal li reat bħal dan ma kienx ta’ darba u l-biża’ tal-Prosekuzzjoni hi li joħroġ mill-Ħabs u jkompli fejn ħalla. Madankollu, din id-darba l-Qorti ddeċidiet li tagħti l-ħelsien mill-arrest proviżorju lill-akkużat fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija peronali ta’ €30,000.

Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Simone Caruana u uliedha.