“Lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha”
Dawn huma l-ewwel kelmiet tal-Innu Nazzjonali Malti miktub minn Dun Karm, innu li jindaqq f’diversi okkażjonijiet.
F’kull partita internazzjonali l-innu tal-pajjiż jindaqq dejjem qabel tibda l-logħba, imma qabel il-partita bejn Slovakkja u Malta, għall-ewwel, l-innu Malti ma ndaqx.
Dan l-inċident seħħ il-Ħamis filgħaxija f’Zilina, fis-Slovakkja, eżatt qabel bdiet il-logħba bejn Malta u s-Slovakkja. Minflok l-innu Malti ndaqqet biċċa mill-kanzunetta ‘Numb’ tal-grupp popolari Linkin Park, episodju li mhux biss nissel tbissima fuq wiċċ il-Maltin imma wkoll fost dawk preżenti fil-grawnd Slovakk.
L-għada, din l-istorja saħansitra għamlitha sal-media fl-Italja b’siti popolari bħal dik tal-ġurnal Il Gazzetta, Tuttosport u oħrajn.
Imma l-Maltin żgur li ma kinux ‘numb’, hekk kif minkejja t-telfa ta’ 1-0 u minkejja li l-Maltin ftit li xejn kienu perikolużi lejn il-lasta Slovakka, huma wrew wirja qalbenija fid-difiża u llimitaw il-perikli tal-attakkanti Slovakki.
Intant fi tmiem il-logħba seħħ episodju ieħor li seraq ix-xena, din id-darba meta l-midfielder offensiv ta’ Hibernians Andrew Cohen għażel li jagħti l-flokk tiegħu lil tifel b’diżabilita’. Ġest mill-isbaħ mill-plejer ta’ 33 sena li juri l-karattru u l-qalb tal-Maltin li jafu jħennu u jgħinnu lil min hu fil-bżonn.
//= $special ?>

