Il-Veterinarju Dr Frank Galea għamel talba fil-Qorti tal-Maġistrati, u dan permezz ta’ protest ġudizzjarju li huwa ppreżenta fil-Qorti tal-Maġistrati fejn talab raħħal Għawdxi, bl-isem ta’ Ġianni Attard biex jirtira u jiċħad l-allegazzjonijit li għamel dwaru fi protest li kien ippreżenta.
Permezz tal-Avukat tiegħu Kenneth Grima, it-tabib Galea talab biex b’mod immedjat, Attard jirtira permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub il-protest li kien għamel, filwaqt li żammu responsabbli għad-danni kollha li sofra u li jista’ jsofri fi-futur.
Ġianni Attard għandu kwistjoni fuq in-nagħaġ li qed irabbi. Aktar kmien din is-sena l-Qorti iddeċidiet li 220 nagħġa li kien qed irabbi fir-razzett tiegħu ġewwa l-Għarb kellhom jinqatlu. Dan għaliex kiser ir-regolamenti tas-sanità peress li qatt ma rreġistra dawn il-bhejjem.
Attard kien ippreżenta rikors fil-Qorti x-xahar li għadda, fejn qal fost oħrajn li waqt is-smigħ tal-proċeduri t-tabib Galea bidel il-verżjoni tiegħu tal-fatti. Qal ukoll li dawn l-inkonsistenzi jpoġġu dubji serji fuq l-integrità tat-Tabib Galea, iżda dan xorta waħda għadu jgawdi l-fiduċja tal-amministrazzjoni kollha tal-Istat.
It-Tabib Frank Galea minn naħa tiegħu qal li Attard fajjar ħafna akkużi bl-intenzjoni unika li ma jitteħdux passi kriminali kontra tiegħu għal malafama. Qal li f’dan il-protest, Attard ipprova jwassal għat-tkeċċija tat-Tabib Frank Galea mill-impjieg.
Huwa akkuża wkoll lill-Gvern li qed iżomm lil Dr. Galea fl-impjieg minkejja li mhuwiex kompetenti f’xogħlu. Dr Galea qal li dan huwa attentat iddisprat min-naħa ta’ Attard, li fil-kuntatti li kellu miegħu dejjem aġixxa skont il-liġi u b’integrita’.
//= $special ?>

