“Jeħtieg li l-gvern u s-soċjeta’ ċivili jfasslu strateġija serja dwar is-setturi differenti li jolqtu l-faqar u l-familji vulnerabbli huma milquta minn din il-kundizzjoni.”
Dan sostnih l-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Familja u s-Solidarjeta’ Socjali Clyde Puli f’konferenza tal-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni inkwetanti tal-faqar fil-pajjiż.
Clyde Puli fisser li statistika riċenti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed turi li l-faqar f’Malta, min hu f’riskju u min hu eskluż soċjalment, telgħu għal 99,000 persuna.
Jirriżulta li hawn żieda ta’ 6,000 persuna li daħlu fil-faxxa vulnerabbli matul is-sena li għaddiet. “Dan jikkonferma li l-Gvern mhux talli ma rnexxilux iwaqqaf il-mixja ‘l fuq tal-faqar, imma talli żiedha,” sostna Clyde Puli.
Il-Kelliem tal-Oppozizzjoni qal li dan qed iseħħ meta l-Partit Laburista, fil-programm elettorali tiegħu, wiegħed li se jeradika l-faqar mill-għeruq fil-ħames snin li ġejjin. Din is-sena, il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali ażżarda jgħid li kien se jwaqqa’ il-faqar bi 15,000.
L-istatistika tal-faqar tikkonferma wkoll statistika oħra dwar in-nuqqas ta’ bejgħ, li dan naqas bi 2.5 fil-mija. Għalhekk, spjega, Clyde Puli, dan juri nuqqas ta’ konsum u n-nies vulnerabbli qed ibatu.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni rrefera wkoll għall-baġit fil-qasam soċjali ghal din is-sena li wera tnaqqis ta’ miljun ewro fl-għajnuna supplimentari. “Kif jista’ jkun hemm għafsa ‘l fuq fil-faqar u ma tingħatax għajnuna lil min hu vulnerabbli”, staqsa Clyde Puli.
Cyde Puli appella lill-gvern biex il-politika f’dan il-qasam tkun waħda ta’ kuxjenza soċjali u tisħaq fuq id-distribuzzjoni ġusta tal-ġid fil-pajjiż.
//= $special ?>

