Lokali

Il-każ tal-istrutturi ta’ Mater Dei għandu jkun diskuss b’mod urġenti fil-Parlament

L-Oppożizzjoni qed tesiġi mal-Gvern biex il-każ tal-istrutturi ta’ Mater Dei ikun diskuss b’mod urġenti fil-Parlament.

Dan qalu Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa fil-programm Newsbook fuq Radju RTK ilbieraħ filgħodu.

Hu qal li l-gvern mill-ewwel ipponta subgħajh biex jitfa’ it-tort fuq xi ħadd. Meta nqala’ il-każ u feġġew il-problemi, sostna Claudio Grech, jidher li l-gvern urihom lil xi union partikulari. Claudio Grech stqarr li l-Partit Nazzjonalista jrid spjegazzjoni ċara dwar dak li ġara u stqarr li diskussjoni fil-parlament mhux se tippreġudika l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li r-responsabbilta’ politika għandha tinġarr minn kulħadd. Hu qal li min issupplixxa l-konkos, il-kuntrattur tax-xogħol, il-perit li ddisinja l-pjanti u l-perit li ċċertifika l-istess strutturi – li tħallsu tax-xogħol tagħhom – għandhom jinżammu accountable ta’ għemilhom.

“Allura, staqsa Claudio Grech, għaliex il-Gvern ma jridx lil dawn in-nies jissejħu quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa biex iwieġbu mistoqsijiet dwar dan il-każ. Claudio Grech qal li anki l-politiċi għandhom ikunu accountable. Dan għax ir-responsabbiltajiet kollha jridu jinġarru u dawk politiċi għandhom ikunu diskussi fil-parlament. “Għalhekk l-urġenza,”sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni.

Chris Fearne, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa qal li l-konkos li sar fuq il-kolonni tad-Dipartiment tal-Indipendenza, kien wieħed inferjuri. Allura l-Gvern ħa l-passi neċessarji biex iħares is-sigurta’ tal-ħaddiema u tal-pazjenti. Is-Segretarju Parlamentari fisser li l-gvern qabbad ukoll konsulenti biex jaraw jekk hemmx aktar problemi strutturali, liema studju tagħhom se jkun konkluż f’temp ta’ ftit jiem.

Il-gvern irid jara wkoll ta’ min hi r-responsabbilta’ politika dwar dan il-każ. Hu qal ukoll li r-responsabbilta teknika, dik amministrattiva u dik kummerjali wkoll iridu jinġarru.

Chris Fearne qal li se jkun qed jippreżenta r-rapport tal-inkjesta malli jitlesta, jiġifieri fi ftit ta’ ġimgħat oħra. Hu stqarr li l-poplu jrid tweġiba għaliex l-affarijiet ma sarux sew. “Meta jkollna l-affarijiet kollha f’idejna ssir d-diskussjoni fil-parlament,” sostna s-Segretarju Parlamentari Fearne.

Mistoqsi dwar x’hemm allokat fil-baġit għas-sena d-dieħla, Chris Fearne qal li dan ix-xahar se jiddaħħlu 120 infermier ġdid u sal-aħħar ta’ din is-sena se jiżdiedu aktar infermieri barranin. Hu qal ukoll li se jiżdied numru ta’ paramediċi.

Gordon Caruana Dingli, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) tkellem dwar diversi problemi fl-isptar, fosthom, il-listi tal-istennija kif ukoll dik tal-iffullar fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Hu qal li ċ-Ċentri tas-Saħħa għandhom jissaħħu biex in-nies jiffrekwentawhom flok imorru l-Isptar Mater Dei.

Gordon Caruana Dingli tkellem ukoll dwar l-obesita’ li tista’ twassal għal aktar mard kroniku fil-futur. Hu qal li s-servizzi tas-saħħa jridu jiżdiedu iżda mhux b’detriment tar-riżorsi umani. “Ma tistax iżżid is-servizzi u talloka inqas flus għas-saħħa,” sostna l-President tal-MAM.