Lokali

L-aħħar tislima lil John Camilleri

John kien attiv ħafna fil-ħajja soċjali tal-pajjiż u fil-ħidma tiegħu ħaddem valuri Insara qawwija. Illum f’pajjiżna għandna bżonn nies b’valuri tajbin u neħtiegu Insara ta’ sinsla u integri bħalma kien John, biex jaqdu lis-soċjeta` tagħna.

Father David Torpiano, in-neputi ta’ John Camilleri li miet nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru, qal dan waqt l-omelija fil-quddiesa tal-funeral praesente cadavere li sar is-Sibt filgħodu fil-Knisja Arcipretali San Publju fil-Furjana.

John Camilleri għal numru twil ta’ snin okkupa karigi importanti fil-Partit Nazzjonalista fosthom bħala Segretarju Peronali ta’ Eddie Fenech Adami kemm meta kien Kap tal-Oppozizzjoni u anke meta kien Prim Ministru. L-akbar ħidma tiegħu kienet fis-snin sebgħin meta flimkien ma numru ta’ żgħażagħ oħrajn, fosthom Louis Galea, wassal għal riforma kbira fil-livelli kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Għal funeral attendiet folla kbira fosthom il-familja u l-qraba ta’ John Camilleri, il-Presidenti Emeriti, Eddie Fenech Adami, Ugo Mifsud Bonnici u George Abela, l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi, Deputati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-quddiesa tal-funeral tmexxiet minn Father David Torpiano flimkien ma Dun Pawl Camilleri, hu John. Numru kbir ta’ saċerdoti oħra, fosthom l-Arcipriet tal-Furjana, Dun Richared Borg, ikkonċelebraw il-quddiesa funebri.

Fl-omelija Father David Torpiano qal li min fl-aħħar ġimgħat żar lil John hass li jkun aħjar li jinħeles mit-tbatija li kien għaddej minnha u llum ruħu tinsab quddiem Alla għall-ġudizzju.

Father David Torpiano qal li John kellu għozza kbira lejn il-familja tiegħu b’mod partikulari lejn martu u lejn uliedu u irringrazzjahom ta’ kura li taw lil John fl-aħħar xhur ta’ ħajtu.

John Camilleri miet fl-eta’ ta’ seba u sittin sena fl-Isptar Mater Dei u ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu Mary u uliedu Cristian, Julian u Damien u l-familji taghhom kif ukoll lil għaxar hutu u l-familji tagħhom.