Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżultati li kiseb pajjiżna fir-rapport annwali maħruġ mill-World Economic Forum dwar il-Kompetittivita’ Globali. Minn dan ir-rapport joħroġ li Malta waqgħet sitt postijiet għall-147 post fl-indiċi tad-dinja, waqt li waqgħet ukoll ħames postijiet fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex issa tinsab fid-19-il post mit-28 stat membru.
Fi stqarrija l-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittivita’ Kristy Debono saħqet li l-indiċi globali tal-kompetittivita’ huwa għodda li tkejjel il-kompetittivita’ tal-pajjiż fuq tliet pilastri ewlenin li huma l-bżonnijiet bażiċi, l-effiċjenza u l-innovazzjoni. Il-fatt inkwetanti huwa li pajjiżna mar lura fil-klassifikazzjoni tat-tliet indikaturi.
Fattur ieħor li jinkwieta lill-Partit Nazzjonalista huwa dak li pajjiżna mar lura f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija, s-saħħa, l-edukazzjoni, u s-settur finanzjarju. Id-dettalji ta’ dawn is-setturi qed jiġu spjegati f’din it-tabella

Debono kompliet li kif jidher f’din it-tabella, huwa nkwetanti l-fatt li f’setturi fejn pajjiżna kien fost l-aqwa 10 pajjiżi fid-dinja s-sena li għaddiet, bħall-kwalita’ tal-edukazzjoni primarja u l-kwalita’ tas-sistema edukattiva, din is-sena waqa’ numru ta’ postijiet.
L-argument tal-Ministru Edward Scicluna li pajjiżna waqa’ lura din is-sena għaliex is-sena li għaddiet kien mar tajjeb ħafna ma jagħmilx sens u żgur li ma jawgurax li l-Gvern ta’ Joseph Muscat iridna nkunu l-aqwa fl-Ewropa. Gvern serju jimmira li r-riżultati pożittivi li kienu qed jidhru u jinħassu, jibni fuqhom mhux jitraskurahom.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex indiċi bħal dawn li jingħataw importanza kbira mill-investituri jittieħdu bis-serjeta’. Pajjiżna jkun kompetittiv b’investiment sostenibbli u b’ħaddiema li jkunu qed jitħallsu kif xieraq tax-xogħol li jagħmlu.
Fl-istarrija Kristy Debono kkonkludiet li l-għafsa fuq il-pagi, t-tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet u minn fuq l-Internet, kif ukoll iż-żieda fost dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar u f’esklużjoni soċjali, ma jawguraw xejn tajjeb biex pajjiżna jerġa’ jibda jsir kompetittiv.
//= $special ?>
