Bħal-lum 30 sena kienet seħħet spluzjoni fuq Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-fliegu bejn Malta u Ghawdex li kienet ħasdet il-ħajja ta’ ħames suldati u żewġ pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Kien propju fis-7 ta’ Settembru tal-1984 li seħħet splużjoni fuq il-Patrol Boat C23 li kienet qed iġġorr logħob tan-nar maħdum illegalment biex jintrema’ fil-baħar. Il-Pulizija kienet ikkonfiskat dan il-logħob tan-nar fil-ġurnata ta’ qabel fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar.
Dakinhar kienu tilfu ħajjithom il-Bumbardier Joseph Pace minn Santa Venera, Gunner William Simpson minn Ħal Lija, is-suldat Anthony Vella minn Għajnsielem Għawdex, is-Surġent tal-Pulizija Saviour Muscat minn Birkirkara u l-Kuntistabbli Joseph Hare minn tas-Sliema.
Żewg vittmi oħra kienu l-Bumbadier Francis Borg mill-Ħamrun u s-Suldat Anthony Farrugia miż-Żejtun li l-fdalijiet tagħhom qatt ma kienu nstabu.
Is-suldat Emmanuel Montesin kien ħelisha mill-isplużjoni li ċarrtet toqba kbira fil-pruwa tal-patrol boat u rnexxielu jsuq il-bastiment lejn Kemmuna.
L-għada kien dikjarat jum ta’ Luttu Nazzjonali u l-vittmi kienu nġarru flimkien f’funeral militari, b’eluf ta’ persuni jagħtuhom l-aħħar tislima fl-aħħar vjaġġ tagħhom.
Qatt ma kien stabbilit x’wassal għal din l-isplużjoni għalkemm hu maħsub li din setgħet seħħet minn xrara meta ngħalqet bieba tal-ħadid tal-patrol boat.
Il-Patrol Boat kienet issewwiet u reġgħet daħlet fis-servizz attiv bħala P-23. Issa tinsab fil-bażi tal-iskwadra marittima tal-Forzi Armati f’Xatt it-Tiben fejn se tkun parti minn monument li jfakkar dawn is-seba’ vittmi.
//= $special ?>

