Knisja Lokali

Appell favur is-solidarjeta’ u l-ġustizzja mill-Isqof Pawlu Cremona

Fl-okkażjoni tal-quddiesa pontifikali ta’ Jum il-Vitorja, li din is-sena ġiet ċelebrata fil-knisja parrokkjali tan-Naxxar u li għalija attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u il-Aġemt President ta’ Malta Dolores Cristina, l-Isqof ta’ Malta Pawlu Cremona tkellem dwar il-valuri tal-ġustizzja u tas-solidarjeta’, kif ukoll dwar il-prinċipju tas-sussidjarjeta’ bhala l-valuri li għandhom isawru s-sisien tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Huwa qal dan fid-dawl tar-rabta ta’ Jum il-Vitorja mal-istorja tal-poplu Malti, li dejjem ingħaqad b’suċċess biex jiddefendi lilu nnifsu meta ġie mhedded. Hawnhekk, l-Isqof semma l-fidi bħala waħda mill-aspetti li għaqqdu lil Maltin flimkien u li wasslet biex il-poplu Malti jgawdi l-frott tal-għaqda tiegħu.

L-Isqof Cremona saħaq li il-valur tal-ġustizzja għandu jingħata lil kull persuna mingħajr l-ebda distinzjoni. Huwa tenna li ħadd m’għandu jistenna li jkun trattat differenti minn ħaddieħor mingħajr raġuni valida, hekk kif dan jista’ jwassal għal firda.

Huwa tkellem ukoll dwar il-valur tas-solidarjeta’ u tenna li is-soċjeta’ trid tiżgura li ħadd ma’ jibqa lura, kif ukoll li għanda taħdem għal ġid ta’ kulħadd. Dawn il-ħsibijiet ġew imħaddna diġa mill-Papa Franġisku fl-ewwel enċiklika tiegħu, li ukoll kienet dwar il-valur tas-soliderjeta’ fis-soċjeta’.

L-importanza ta’ dan il-valur tkompli titkattar fl-importanza minħabba li fiż-żmijijiet tal-lum għaddejja ġlieda qawwijja kontra l-faqar, mhux biss f’Malta iżda wkoll madwar id-dinja. Fil-fatt, huwa stmat li madwar 15% tal-poplazzjoni tad-Dinja tinsab f’riskju ta’ faqar, u huwa għalhekk li għandha tiżdied il-ħidma biex tittaffa t-tbatija ta’ dawn il-persuni. L-Isqof tenna wkoll li din il-ħidma hija għal qalb il-knisja, u se tkompli tistinka biex aktar persuni ma’ jibqgħux jgħixu f’riskju ta’ faqar fost oħrajn permezz tal-missjunarju tagħha. Hawnhekk ukoll tkompli tispikka l-ħidma tal-poplu Malti, li dejjem kien ġeneruż ma’ dawk anqas ixxurtjati minnu.
L-Isqof Cremona spjega wkoll kif permezz tal-valur tas-sussidjarjeta’, il-ġid li jinħoloq permezz tal-iżvilupp ekonomiku m’għandux isir għad-detriment ta’ min hu dgħajjef b’tali mod li jgawdi biss is-sinjur. Dan għandu jkun aktar faċli minħabba d’daqs żgħir tal-gżejjer Maltin. L-Isqof tenna wkoll li żvilupp li ma’ jilħaqx lil kulħadd ma’ jsitax jiġi kunsidrat bħala żvilupp hekk kif wera t-tħassib tiegħu li l-avvanz ekonomiku ta’ korporazzjonijiet transnazzjonali jista’ jwassal għal effetti negattivi fuq l-iżvilupp tal-ekonomija lokali u internazzjonali.

L-Isqof Cremona saħaq ukoll li hekk kif matul l-istorja tiegħu il-poplu Malti dejjem wera kif inhu kapaċi jegħleb id-diffikultajiet, huwa se jkompli jagħmel hekk ukoll fil-ġejjieni, biex tinbenna soċjeta’ aktar b’saħħitha u magħqud mibnijja fuq dawn il-prinċipji.

Intant illum sar ukoll it-tqegħid tal-fjuri mill-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-belt Valletta. Saru wkoll ċerimonji simili minn rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Birgu u il-Monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla, kif ukoll fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, fejn tfakkru l-vittmi tat-tieni gwerra dinjija.

Tul il-ġurnata tas-Sibt ittella’ wkoll programm mużiko-letterarju f’Misraħ l-Assedju l-Kbir fil-belt Valletta, fej sar diskors kommemorattiv minn Dr. Giuseppe Schembri Bonaci, kif ukoll ċerimonja tat-tqegħid tal-fjuri.