Il-pressjoni li qed ikollu l-Partit Laburista biex jonora aktar wegħdiet personali li saru qabel l-elezzjoni tant hi kbira, li kellu jsir xi forma ta’ arranġament bejn l-amministrazzjoni Laburista fil-Gvern u l-amministrazzjoni Laburista fuq livell ta’ partit. Dan l-arranġament huwa biex tintbagħat persuna mill-Ministeri tal-Gvern fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Dawn l-uffiċjali mill-Ministeri ngħataw direzzjoni biex jiltqgħu man-nies f’dak li qed jitfisser xogħol ta’ customer care li qiegħed isir il-ġurnata kollha mit-tieni sular taċ-ĊNL.
il-mument għandu informazzjoni li dan l-arranġament daħal fis-seħħ bil-barka wkoll tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan minħabba li mhux l-ewwel darba li nies li marru jew li jmorru għand il-Customer Care fil-Berġa ta’ Kastilja jkunu referuti bil-problema jew bit-talba tagħhom ħalli jaqbdu t-triq lejn iċ-ĊNL fejn hemm dawn il-persuni mill-Ministeri tal-Gvern.
Din il-gazzetta jirriżultalha wkoll li l-aktar talba li qed issir minn dawn in-nies hija biex jingħataw jew jinstabilhom xogħol mal-Gvern, inkella ma’ xi korporazzjoni jew aġenzija pubblika. Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ il-mument qalu li din il-pressjoni fuq l-amministrazzjoni Laburista għal xogħol mal-Gvern ilha għaddejja x-xhur, u l-Gvern spiċċa jbaxxi rasu għal din il-pressjoni partikolarment dik li tkun ġejja minn partitarji Laburisti bir-ragħwa f’ħalqhom, tant li mhux l-ewwel darba jew tnejn spiċċaw għamlu xenati kemm f’Ministeri kif ukoll fiċ-ĊNL stess.
Din is-sitwazzjoni waslet biex fl-ewwel żmien tal-amministrazzjoni Laburista ħalliet effetti ħżiena fuq il-finanzi pubbliċi hekk kif l-istatistika uffiċjali tikkonferma kif u b’kemm żdied l-iżbilanċ finanzjarju. F’seba’ xhur, il-Gvern nefaq €310 miljun aktar milli daħħal, li jfisser ukoll €50miljun aktar mill-istess perijodu tas-sena li għaddiet. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-iżbilanċ hi f’pagi. L-istatistika uffiċjali tikkonferma kif il-Gvern Laburista ċeda għall-pressjoni li qed issirlu, u f’sena daħħal miegħu mal-1,900 ħaddiem.
F’aktar minn seba’ xhur, skont l-istatistika uffiċjali nħarġu mat-€30 miljun aktar mid-dħul tat-taxxi ħalli jagħmlu tajjeb għall-pagi ta’ dawn il-persuni li qed jiddaħħlu jaħdmu mal-Gvern.
//= $special ?>