Refuġjat ta’ 26 sena mill-Mali u residenti Birkirkara kien ikkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd kien qed jittraffika d-droga kannabis ġewwa Paceville. Abdi Rahman Diakite inqabd mill-iskwadra tal-Administrative Law Enforcement waqt li kienu qegħdin jagħmlu r-ronda fl-inħawi.
Mill-provi li nstemgħu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli ħareġ li r-refuġjat kien qed ibiegħ id-droga u saħansitra kien hemm Taljan li kien sejjer jixtri l-kannabis mingħandu. Fuq il-ħati nstabu madwar sitt pakketti u minbarra sentenza karċerarja huwa ġie mmultat €466. Diakite tressaq mill-Ispettur Herman Mula filwaqt li għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Anthony Mifsud Cutajar.
Sadanittant b’mod separat tressqu żewġ żgħażagħ Maltin akkużati b’każ konness ma’ droga wara li kienu mwaqqfa mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u dan fuq sewqan eċċessiv u traskurtat is-Sibt filgħaxija f’Tas-Sliema. Huma wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Il-Pulizija ġihom suspett li Sam Zima ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar u Joshua Galea ta’ 20 sena mill-Mosta setgħu kienu qegħdin jaħbu xi ħaġa u wara tfittxija li saret fil-karozza, taħt is-seat tal-passiġġier instab envelope b’diveri pakketti ta’ droga li jlaħħaqu 700 gramma reżina tal-kannabis.
Galea kien mixli quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li fis-6 ta’ Settembru li għadda ttraffika u li kien fil-pusses tal-imsemmija droga f’ċirkostanzi li juru li din ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu. Zima ġie akkużat b’pusses ta’ droga, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li turi li din ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu.
L-Avukati Arthur Azzopardi, li deher għal Zima u l-Avukat Yanika Camilleri li deheret għal Galea għamlu talba għal liberta’ proviżorja, liema talba sabet oppożizzjoni qawwija mill-Ispettur Herman Mula, li flimkien ma’ l-Ispettur Pierre Grech ressqu lill-akkużati. Dan minħabba l-gravita’ tal-każ. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €6,000.
//= $special ?>
