Lokali

Ħaxnu buthom bil-kuntrabandu tal-fuel

Skont rapporti kkwotati mill-United States Institute of Peace imwaqqaf mill-Kungress Amerikan, in-naħa tal-Punent tal-kosta Libjana, u partikolarment Zuwarah fil-Punent ta’ Tripli, fl-aħħar snin żviluppat attività illegali sinifikanti. Raġuni ewlenija hija li dawn l-inħawi huma l-eqreb tal-ewwel territorju Ewropew. Tant li Zuwarah, Nalut u Ghadames huma meqjusa postijiet għall-ħażna u biex minnhom tgħaddi l-attività illegali ta’ traffikar ta’ żejt, armi, drogi u immigranti. Dan minħabba li ġeografikament huma qrib Malta u l-Italja.

Minn intervisti li saru fil-Libja huwa dokumentat li fl-aħħar sentejn għadd ta’ negozjanti minn Zuwarah ħaxnu buthom b’din l-attività illegali, l-aktar mit-traffikar illegali tal-fuel. Dan seħħ minħabba li l-inħawi huma kontrollati min-nies tal-lokal u ftit li xejn isiru interventi mill-forzi tal-ordni.

It-traffikar ta’ prodotti bħaż-żejt li jagħmlu parti integrali mill-ekonomija Libjana, u sa mir-rivoluzzjoni evolviet, kibret u qanqlet ħafna mistoqsijiet.

Mexxej lokali qal “id-differenza l-kbira hi li aħna lkoll armati, u li aħna lesti li nħallsu biex inkunu protetti ħalli nissoktaw b’din l-attività illegali. Ilum l-ordni hija stabbilità permezz ta’ arranġamenti li jkunu negozjati magħrufa bħala ‘r-regola tal-armi’.

Għalkemm Zuwarah qabel kienet eskluża mill-attività kummerċjali, saret il-mekka għat-traffikar. Illum hemm ir-riżorsi u l-armi biex din l-attività tkun tista’ ssir minħabba li saret sors ewlieni ta’ dħul finanzjarju. Wieħed mill-mexxejja prominenti ta’ tribù minn Zuwarah irrakkonta kif għadd ta’ negozjanti lokali mill-inħawi saru għonja ħafna bil-kuntrabandu taż-żejt mill-ħażniet f’Zuwarah lejn Malta u l-kumplament tal-Ewropa. “Biex inkun onest, in-nies ma jaraw xejn ħażin fiha. Huwa bħal kwalunkwe negozju. Hemm opportunità u n-nies tisfruttaha.”

L-aċċess għall-baħar hu ta’ vantaġġ kbir għal Zuwarah, minħabba li qiegħed iservi ta’ mezz u bażi, mhux biss biex jidħlu affarijiet mit-Tuneżija u karozzi lussużi mill-Ewropa iżda wkoll għat-traffikar ta’ materja sussidjata, l-aktar żejt, lejn it-Tramunata jiġifieri lejn Malta. Filwaqt li ma jeżiżtix kontroll mill-Istat, skont nies tal-post li ġew intervistati, “jekk ikollok l-armi u r-riżorsi jkollok ċans kbir li jkollok sehem f’dan is-suq ta’ attività”.
Intant, il-Gvern Malti għadu ma kkummenta u ma żvela xejn minkejja li xahrejn ilu ffirma Memorandum of Understanding mal-Gvern Libjan. Dan il-ftehim kien iffirmat immedjatament, ġimgħa wara li l-Gvern Malti kien imwissi serjament u rċieva repetutament talba mill-Gvern Libjan biex jintervjeni flimkien mal-awtoritajiet Libjani ħalli jitkisser iċ-ċirku ta’ traffikar illegali taż-żejt mil-Libja lejn l-Ewropa, inkluż lejn Malta.

Il-Gvern Libjan kien għamel dawn it-talbiet għax skont hu tant kien kiber is-serq taż-żejt Libjan li kien qed ikollu problema serja biex iforni u fid-distrubuzzjoni fil-pompi tal-petrol fil-Libja. Riżultat ta’ dan kienu qegħdin jinġabru kjuwijiet twal ta’ karozzi bil-lejl u filghodu kmieni minħabba l-iskarsezzi.

Il-Gvern Libjan b’kuntatt dirett mal-Gvern Malti, bl-ambaxxati rispettivi f’Malta u fi Tripli involuti, sostna li din is-sitwazzjoni kienet inaċċettabli u talab għal sforz kollettiv ħalli dan it-traffikar u ċ-ċirku kriminali jitkisser.

Il-kuntrabandu lejn Malta
Sorsi infurmati tajjeb spjegaw ma’ il-mument l-attività ta’ dak li kien qed jiġri fl-ibħra ta’ bejn il-Libja u Malta. Bastimenti kbar jersqu kilometri ‘l bogħod mill-kosta Libjana u jimlew it-tankijiet bil-fuel. Dawn isalpaw fl-ibħra internazzjonali u jfornu l-fuel lil bastiment iżgħar. Nifhmu li dawn l-operazzjonijiet kienu qed jiġu ppjanati tant tajjeb kemm f’termini ta’ ħin, kundizzjonijiet tat-temp, u kienu jsiru hekk kif tinżel ix-xemx biex saż-żernieq tal-għada, l-operazzjoni kollha tkun magħluqa.

Mhux eskluż ukoll li l-awtoritajiet Libjani għaddew lill-awtoritajiet Maltin forom ta’ dokumentazzjoni biex tgħin fl-istħarriġ li l-Gvern Malti wiegħed se jagħmel.

Dan it-traffikar illegali taż-żejt kien qabad ħafna r-ritmu tiegħu minħabba s-sitwazzjoni instabbli fil-Libja sa minn meta sfaxxa r-reġim ta’ Muammar Gaddafi, bl-inkwiet intern ma kienx qiegħed iħalli l-forzi Libjani jiffukaw fuq l-attività illegali u l-ħarsien tal-kosta.

Minn aktar stħarriġ li għamel il-mument jirriżulta li l-ħlas għal dan it-traffikar taż-żejt, minbarra flus, kien isir permezz ta’ sigaretti tal-kuntrabandu u bid-droga.