Lokali

Hillary Clinton: Ċentru f’Malta dwar il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt

Hillary Clinton, l-eks Segretarju tal-Istat Amerikan fi ktieb reċenti tagħha tirreferi għal ‘ċentru għall-ġustizzja u s-saltna tad-dritt’ (rule of law) li tgħid li għandu jiftaħ f’Malta. Din l-inizjattiva hi riżultat ta’ ħidma li wettqet ma’ għadd ta’ pajjiżi fiż-żmien li għamlet f’din il-kariga.

Is-sehem ta’ Malta f’din l-inizjattiva jissemma fil-ktieb Hard Choices li Hillary Clinton ippubblikat ftit tax-xhur ilu u li qed ikun ikkunsidrat bħala best seller bħal kotba oħra tagħha. Fil-ktieb, Clinton tirrakkonta l-ġrajjiet ewlenin li ħadet sehem fihom tul l-erba’ snin li fihom kienet is-Segretarju tal-Istat Amerikan bejn l-2009 u l-2013.

Meta kienet qed tikkummenta dwar problemi ta’ terroriżmu f’diversi nħawi tad-dinja, Hillary Clinton tgħid li b’ħidma konġunta bejn id-Dipartiment tal-Istat u l-Winter House, f’Settembru 2011 kien stabbilit iċ-Ċentru għal Strateġija dwar Komunikazzjoni għal Kontra t-Terroriżmu waqt li ftit jiem wara kien inawgurat il-Forum Globali għal Kontra t-Terroriżmu bis-sehem ta’ aktar minn tletin pajjiż.

Clinton tgħid li dan il-Forum, fl-ewwel sentejn tiegħu, ta riżultati inkoraġġanti. Kien f’dan il-kuntest li Clinton semmiet il-ftuħ ta’ ċentru f’Malta. Hi kitbet hekk: “The United Arab Emirates agreed to host an international centre focussed on countering violent extremism and a centre of justice and the rule of law is set to open in Malta.”

Meta tkompli tispjega r-rwol ta’ dawn l-istituzzjonijiet, Clinton tgħid li dawn għandhon iservu biex iħarrġu pulizija, edukaturi, mexxejja reliġjużi u ta’ komunitajiet flimkien ma’ nies mill-qasam politiku.

Għandhom iġibu flimkien ukoll esperti tal-komunikazzjoni li jifhmu kif tkun miġġielda l-propaganda estremista kif ukoll nies mill-oqsma tal-infurzar tal-liġi li jkunu jistgħu jgħinu gvernijiet u komunitajiet jitgħallmu kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom mit-terroristi.

Xogħol ieħor ta’ dawn iċ-ċentri hu li jġibu flimkien edukaturi li joħolqu curricula ħielsa minn kull mibegħda waqt li jagħtu lill-għalliema l-għodda biex jipproteġu lit-tfal minn influwenzi estremisti.

Hillary Clinton, li fiż-żmen li ġej se tkun qed tiddeċiedi tikkontestax biex tkun ir-rappreżentanta tal-Partit Demokratiku fl-Elezzjoni Presidenzjali tal-2016, semmiet lil Malta f’partijiet oħra tal-ktieb tagħha fejn jolqtu l-esperjenzi tagħha fi żmien il-kriżi tal-Libja fl-2011.

Fost l-oħrajn issemmi li l-istaff diplomatiku Amerikan kien evakwat kollu lejn Malta permezz ta’ vapur li ntlaqat minn maltempata qawwija fi triqtu mil-Libja.

Referenza oħra hi meta ġiet f’Malta, f’Ottubru 2011, żjara qasira li matulha kienet ħadet l-okkażjoni biex tirringrazzja lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi u lill-poplu Malti għas-sehem tagħhom waqt ir-rivoluzzjoni Libjana.
Fil-fatt, minn hawnhekk, Hillary Clinton riedet tmur il-Libja biex tara dak li kien qed iseħħ fl-ewwel xhur wara t-tneħħija ta’ Gaddafi. Hi tikteb li għal raġunijiet ta’ sigurtà, kien aktar għaqli li ma tużax l-istess ajruplan tagħha – bil-kliem fuqu The United States of America – li kien wassalha Malta, u minfloku s-C-17, ajruplan militari mgħammar b’għadd ta’ faċilitajiet difensivi għal kulma jista’ jinqala’.

Clinton tgħid li ritratt li tteħdilha f’Malta minn fotografu ta’ Time – ritratt li juriha qed tiċċekkja l-Black Berry tagħha – għamel hit kbira b’ħafna kummenti fuq l-internet. Fost dawn il-kummenti u b’referenzi għall-fatt li Clinton kienet Malta, kien hemm wieħed li jgħid li hi kienet qed twieġeb lill-President Obama għall-mistoqsija tiegħu: “Hey Hill, watchu doing” bit-tweġiba ta’ Clinton tkun “running the world”.

Hu f’waqtu li wieħed jinnota li l-idea dwar it-twaqqif f’Malta ta’ ‘ċentru għall-ġustizzja u s-saltna tad-dritt’ tissemma minn Hillary Clinton ftit xhur wara l-kontribut utli ta’ Malta lill-komunità internazzjonali fil-kriżi tal-Libja meta l-poplu neħħa lil Gaddafi mill-poter.