Lokali

Il-fiżjoterapisti b’attivita’ b’risq persuni b’diżabilita’

L-idea li min għandu diżabilita’ jew mard fit-tul m’għandux ikun imċaħħad milli jgħix ħajja sħiħa kienet fil-qofol t’attivita’ li ttellgħet mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Fiżjoterapisti fiċ-ċentru Inspire f’Marsaskala.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Fiżjoterapija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Fiżjoterapisti għal sena oħra organizzaw kampanja, din is-sena bit-tema ‘Fit to Take Part’.

Apparti l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Fiżjoterapisti, preżenti għall-ftuħ tal-logħob li saru fl-Inspire bħala parti mill-kampanja kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire Nathan Farrugia kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne.

Fost l-attivitajiet li saru kien hemm mixja mill-Knisja Parrokjali ta’ Marsaskala sal-Inspire, logħob għat-tfal kif ukoll diversi klassijiet fejn saru numru ta’ eżerċizzji fiżiċi.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Fizjoterapisti hija membru tal-Konfederazzjoni Dinjija għall-Fiżjoterapija u l-Jum Dinji tal-Fizjoterapija jiġi ċċelebrat f’madwar mitt pajjiż.