Lokali

Lino Spiteri jiddeskrivi l-iskema tal-Gvern bħala “waħda bla sens”

Elezzjonijiet ħielsa huma l-garanzija ta’ pajjiż li jipprattika demokrazija ħajja. Kundizzjoni importanti li tindika demokrazija ħajja hi li l-elezzjonijiet ikunu regolari u jsiru meta jkun immisshom.

Isostni dan l-opinjonista u eks Ministru Laburista Lino Spiteri fl-artiklu ta’ kull nhar ta’ Ħadd fil-gazzetta The Sunday Times of Malta, li fih esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mad-deċiżjoni tal-Gvern li jikkanċella l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta’ Marzu li ġej.

Lino Spiteri saħansitra ddeskriva l-iskema tal-Gvern li jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet bħala waħda bla sens.

Hu sostna li filwaqt li hemm bżonn li jkun hemm bidla fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u li jkun hemm iktar konsolidament, li tippostponi l-elezzjonijiet għal numru ta’ snin mhux l-aqwa mod kif twettaq riforma.

Lino Spiteri kompla li filwaqt li hu mportanti li Gvern ikun effiċjenti fin-nefqa tal-flus, daqstant ieħor hu mportanti li jissalvagwardja d-demokrazija f’kull livell tagħha.

Spiteri tenna li jekk il-Gvern iwaqqa’ l-pjani tiegħu għall-posponiment tal-elezzjonijiet lokali, tinfetaħ opportunita’ tajba sabiex il-partiti politiċi jikkollaboraw dwar kif tista’ tittejjeb id-demokrazija fil-livell lokali u biex forsi anki jonqos il-partiġġjanizmu.