Ippressat minn opinjoni pubblika li qed titkellem fuq in-negozju li l-PL qed jagħmel f’Pembroke minn art li tiswa l-miljuni, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ipprova jiġġustifika dan in-negozju billi sostna li wara kollox il-PL se jmur minn taħt f’dan in-negozju.
Din il-pożizzjoni l-Prim Ministru espremieha f’intervista fuq l-istazzjon Laburista One Radio. Kien il-Prim Ministru nnifsu li għazel li jsemmi l-proprjeta’ tal-PL f’Pembroke, bla ma kien mistoqsi.
Il-PL kiseb il-proprjeta’ f’Pembroke, li tinkludi r-Raffles, l-Australia Hall u l-Victoria Pub, fis-sebgħinijiet, wara li l-Gvern Laburista kien ħa l-Freedom Press biex saret il-Malta Shipbuilding.
Il-proprjeta f’Pembroke għandha valur storiku u kienet skedata biex tkun preservata.
Tul is-snin il-PL baqa’ jżomm il-proprjeta’ f’Pembroke iżda ħallieha abbandunata u ma ħallasx ċ-ċnus fuqha. Dan bi ksur tal-kuntratt.
Il-valur tal-proprjeta tal-PL f’Pembroke, żona primarja għall-proprjeta’, tiswa l-miljuni: l-Australia Hall weħidha għandha valur ta’ 10 miljun ewro. Maħhha hemm ir-Raffles, li wkoll għandu valur enormi fiċ-ċentru ta’ Saint Andrew’s u Pembroke.
Iżda għall-Mexxej Laburista, il-PL mar minn taħt….
Tul is-snin il-PL għamel diversi tentattivi biex jinnegozja l-proprjeta’ f’Pembroke u taħt il-Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998, kien anki tnaqqas l-iskedar tal-proprjeta’ biex ikun iktar faċli li jsir negozju.
Il-PL kien anki għamel konvenju dwar ir-Raffles u l-Australia Hall biex dawn jinbiegħu għall-prezz ta’ €500,000 separatament. Jidher li wieħed minn dawn il-konvenji, dak tal-Australia Hall, inżamm u l-ieħor twaqqa,’ biex il-PL issa se jkun jista’ jinnegozja r-Raffles għal miljuni ta’ ewro.
Gvern Nazzjonalista kien beda proċeduri kontra l-PL dwar il-proprjeta’ f’Pembroke u l-mod kif din il-proprjeta ta’ valur storiku tħalliet abbaundata u ma tħallsux ċnus fuqha. Wara l-aħħar elezzjoni, il-Gvern Laburista u l-Partit Laburista laħqu ftehim biex il-gvern iwaqqa’ l-kawża kontra l-PL.
B’hekk infetħet it-triq biex il-PL jkun jista’ jinnegozja l-proprjeta’ u permezz tagħha jagħmel tajjeb għal ħlasijiet pendenti u djun li għad għandu fuq ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
//= $special ?>
