Lokali Saħħa

Se jsir eżami strutturali għad-Dipartiment tal-Emerġenza

Wara li nstab li l-konkrit uzat fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei mhux b’saħħtu biżżejjed, se jsir eżami strutturali tal-Isptar kollu sabiex ikun stabbilit jekk dawn id-difetti humiex limitati għad-Dipartiment tal-Emerġenza jew jekk il-konkrit inferjuri jinsabx madwar l-Isptar kollu.

Din is-sejba saret wara li saru testijiet fuq strutturi fid-Dipartiment tal-Emerġenza sabiex ikun stabbilit jekk jistgħux jinbnew żewġ sulari fuq il-binja tal-Emergenza bil-għan li jiżdiedu iktar swali u sodod.

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta tirrapporta li f’ċertu każi, il-konkrit użat għandu inqas saħħa minn dak użat jinbnew il-bankini. Madanakollu il-Ministru responsabbli mis-saħħa Konrad Mizzi qal li l-binja ma turix sinjali ta’ dgħufija iżda jekk ifeġġ l-iċken riskju għall-ħaddiema u l-pazjenti, id-Dipartiment tal-Emerġenza jkun immedjatament trasferit lejn post ieħor.

Tul is-snin, l-Isptar Mater Dei inbidel radikalment hekk kif il-proġett għadda minn taħt idejn erba’ gvernijiet differenti.

Fl-1993, kien inħareġ it-tender għall-bini ta’ sptar ta’ 480 sodda li jkun ukoll sptar ta’ riċerka u jinkorpora miegħu l-iskola medika. L-isptar kellu jitmexxa mill-Fondazzjoni li tmexxi l-Isptar San Raffaele ta’ Milan.

Il-Ppoġett kien suggett għall-kritika qawwija mill-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien immexxija minn Alfred Sant.

B’mod partikolari, fil-mira ta’ Sant kienu it-tender innifsu u l-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien John Dalli, minħabba li hu John Dalli, Bastjan, kien il-propjetarju ta’ Mixer Ltd li ssupplixxiet il-konkrit lil Skanska. Il-kumpanija Żvediża li rebħet it-tender biex tibni l-Isptar.

F’Ottubru 1997, sena wara li l-Partit Laburist rebaħ l-elezzjoni ġenerali, il-Gvern tal-PM Alfred Sant ħabbar bidla sħiħa tal-kunċett tal-Isptar u minflok Sptar ta’ riċerka u tagħlim b’480 sodda, l-Isptar se jkun sptar ġenerali akut bi 850 sodda.

Wara li kien għamel eżami strutturali tal-binja sħiħa, il-Perit Carmel Busuttil kien iċċertifika li l-bini jista’ jkun żviluppat u jistgħu jiżdiedu sa żewġ sulari oħra fuq il-binja eżistenti.

Gvernijiet sussugwenti mill-1998 ‘il quddiem, komplew fuq il-proġett bl-Isptar Mater Dei ikun inawgurat mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-1 ta’ Lulju 2007.

Sadanittant, iż-żewġt iswali li kienu se jsiru fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza, issa se jinbnew f’art qrib l-istess Dipartiment tal-Emerġenza.