Libjan ta’ 38 sena residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ġie kundannat sentejn ħabs sospiżI għal erba’ snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li seraq sitt passaporti.
Mill-provi fil-Qorti rriżulta li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd il-pulizija sabu lil Ahmed Tarek Migiref jistaħba fil-bitħa ta’ blokk appartamenti b’sitt passaporti li kien għadu kemm seraq minn wieħed mill-appartamenti fil-Belt.
L-Ispettur Pierre Micallef Grimaud li ressaq lil Libjan qal fil-Qorti li l-Pulizija rċevew rapport li kien hemm ħalliel f’appartament fil-Belt fejn tgħix anzjana. Meta marru fuq il-post, l-anzjana ma kinitx hemm, u l-pulizija sabu kullimkien imqalleb.
Fil-post sabu wkoll lil Libjan, mistoħbi fil-bitħa tal-blokk bil-passaporti f’idu. Huwa kellu wkoll riħa qawwija ta’ xorb. Il-Qorti qalet li l-ħati għandu jfittex l-għajnuna neċċessarja jekk għandu problema ta’ xorb ta’ alkoħol eċċessiv.
//= $special ?>

