Franċiż ta’ 24 sena kien immultat €4,000 u kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li kmieni lbieraħ filgħodu mhux biss għam għarwien, u ġera għarwien f’San Ġiljan iżda spiċċa biex aggredixxa Surġent li ordnalu biex jilbes.
Yohan Schwanke, qal li ma jiftakarx x’ġara billi kien fis-sakra, iżda xorta waħda ammetta l-akkużi kontrih. Huwa skuża ruħu għall-imġiba tiegħu u qal li kien lest iħallas għall-ħsara li kkaġuna.
Mill-provi li nstemgħu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, għall-ħabta tas-7.20 a.m. l-Franċiż intlemaħ miexi għarwien fejn l-istabbiliment tal-McDonalds ta’ San Ġiljan, wara qasam bil-ġirja it-triq u qabeż il-baħar. Surġent tal-Pulizija ordnalu biex jilbes u, waqt li kien qed jeskortah lejn l-għassa, Schwanke tah daqqa ta’ ponn u kissirlu n-nuċċali.
Huwa ammetta li fera ħafif lis-Surġent wara li heddu, li kien fis-sakra u fi stat li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nniffsu, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. L-Avukat Mark Anthony Mifsud Cutajar deher għal Franċiż. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Sultana
//= $special ?>