Qorti

Studenti Franċiżi jammettu li vvintaw storja u għamlu rapport falz lill-Pulizija

Żewġ studenti Franċiżi ta’ 17 u 18-il sena rispettivament ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li vvintaw storja f’rapport li għamlu mal-Pulizija biex setgħu jdumu barra għal aktar ħin minn dak permess lilhom.

Fit-22 ta’ Awwissu li għadda l-istudenti, li huma tfajliet għamlu rapport fl-Għassa ta’ Tas-Sliema fejn qalu li kienu attakkati minn żewġt irġiel li riedu jisirqulhom il-basktijiet li kellhom fuqhom. Dan seħħ fil-ħin li huma kienu sejrin għand il-familja Maltija li tospitahom.

Wara aktar stħarriġ mill-Pulizija irriżulta li din l-istorja ma seħħitx u li t-tfajliet ivvintawha biex ikunu jistgħu jdumu aktar barra, u biex ma jispiċċawx fl-inkwiet kellhom jaraw kif kienu se joħorġu minnha.

L-istudenti li qegħdin Malta biex jitgħallmu l-Ingliż urew ukoll lill-Pulizija xi grif biex jippruvaw jikkonvinċu. Madankollu rriżulta wkoll li l-grif sar minnhom stess.

L-ismijiet tat-tfajliet mhux se jkun ippubblikat minħabba l-eta’ tagħhom. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Marj Anthony Cutajar deher għat-tfajliet filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Sultana.