Lokali

Testijiet tas-sireni tal-emerġenza

Nhar it-Tlieta l-Enemalta se tagħmel testijiet tas-sireni tal-emerġenza fl-Istazzjon tal-Elettriku ta’ Delimara u fl-istallazzjonijiet tal-fuel f’Ras Ħanżir, Ħas Saptan u Birżebbuġa.

Dawn it-testijiet jinkludu d-daqq tas-sireni għal ftit sekondi. Isiru kull sena bħala parti mill-ħidma u t-tħejjija tal-kumpanija Enemalta f’każ ta’ emerġenza f’xi wieħed minn dawn il-postijiet. Is-sireni fl-Istazzjon ta’ Delimara u dawk tal-istallazzjonijiet tal-fuel f’Ras Ħanżir u Ħas Saptan se jindaqqu fid-disgħa ta’ filgħodu (09:00) waqt li dawk tal-istallazzjoni f’Birżebbuġa jiġu ttestjati ħames minuti wara, fid-disgħa u ħamsa (09:05).

L-Enemalta żżomm pjanijiet dettaljati biex tilqa’ għal emerġenzi li jistgħu jinqalgħu waqt il-ħidmiet tagħha. Persuni li jgħixu jew jaħdmu fl-inħawi ta’ dawn il-postijiet jingħataw tagħrif dwar kif jieħdu ħsieb saħħithom f’każ ta’ xi aċċident kbir. Id-daqq tas-sireni huwa wieħed mill-mezzi ta’ sigurtà li bih l-Enemalta twassal messaġġ ta’ twissija f’każi bħal dawn.