Wara li l-aħħar stħarriġ dwar l-Iskozja indika vantaġġ minimu għall-kampanja favur l-indipendenza mir-Renju Unit, il-Kap tal-kampanja favur Renju Unit magħqud qed jiċħad li l-pjani għal programm li jagħti aktar poteri lill-Iskozja għandhom jitqiesu bħala sinjal ta’ paniku mill-amministrazzjoni f’Londra.
Alistair Darling, li qed imexxi l-kampanja bit-tema Better Together, kien qed jitkellem wara li ħareġ ir-riżultat tal-istħarriġ u wara li l-Kanċillier tal-Finanzi Britanniku, George Osborne, wiegħed li jintroduċi skeda biex il-Parlament tal-Iskozja jassumi poteri akbar, dment li l-votanti Skoċċiżi jiċħdu għall-indipedenza.
Ir-referendum storiku fejn l-Iskoċċiżi jivvutaw għal għażla bejn l-indipendenza u l-istatus quo isir fit-18 ta’ Settembru. Filwaqt li Darling ammetta li l-kampijiet ta’ ‘le’ u ‘iva’ jinsabu ras imb ras, hu xtaq jagħmilha ċara li m’hemm l-ebda stat ta’ paniku fost is-sostenituri ta’ Renju Unit magħqud.
Hu kompla li, llum, kull votant fl-Iskozja jista’ jfisser id-differenza bejn sitwazzjoni fejn l-affarijiet jibqgħu l-istess inkella sitwazzjoni fejn dan il-pajjiż jibda jippjana għall-futur ‘il hinn mill-kumplament tar-Renju Unit.
//= $special ?>

