Sepp Blatter ikkonferma li se jkun qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ta’ President tal-FIFA għal terminu ieħor.
F’intervista fuq video waqt il-konferenza Soccerex f’Manchester, l-Iżvizzeru ta’ 78 sena ħabbar il-ħsieb tiegħu li jikkontesta biex għall-ħames terminu konsekuttiv imexxi l-FIFA.
Huwa qal li se jkun qed jagħmel dikjarazzjoni uffiċjali waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA li se jsir bejn il-25 u s-26 tax-xahar.
Il-President tal-UEFA Michel Platini qal li mhux se jkun qed jikkontesta lil Blatter.
“Missjoni qatt ma tintemm u l-missjoni tiegħi għadha ma spiċċatx. Fl-aħħar kungress f’Sao Paulo mhux biss kelli l-impressjoni imma anke l-appoġġ ta’ maġġoranza enormi ta’ assoċjazzjonijiet li talbuni bil-ħniena biex nibqa’ President fil-futur,” qal Blatter.
Il-kandidati għall-President jibqgħu jintlaqgħu sa Jannar tal-2015 u l-elezzjonijiet isiru fil-Kungress tal-FIFA f’Ġunju.


