Fl-Iraq, il-qawwiet tal-Gvern qalu li rnexxielhom jitfgħu lura l-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku minn madwar zona kbira qrib id-diga importanti ta’ Haditha. Dan wara li l-qawwiet tal-ajru Amerikani issieħbu f’sensiela ta’ attakki kontra l-istess militanti.
Il-ġellieda tal-Istat Iżlamiku kienu ppruvaw kemm il darba jaħtfu kontroll tad-diga li tinsab viċin ix-Xmara Euphrates, fil-provinċja ta’ Anbar. Madankollu, huma, din id-darba, sfaw mira tal-ajruplani tal-gwerra Amerikani li kienu qed imexxu l-ewwel azzjonijiet militari f’inħawi ‘il hinn miz-zoni lejn it-Tramuntana tal-Iraq.
Intant, il-Parlament tal-Iraq illum kellu jiltaqa’ biex jivvota dwar il-Gvern propost tal-Prim Ministru magħżul Haider al-Abadi. Mistenni li Abadi għandu jinkludi r-rappreżentanti tal-gruppi kollha etniċi u reliġjużi fil-Kabinett li se jitwaqqaf f’Bagdad.
L-aħħar żviluppi politiċi għandhom inaqqsu t-tensjoni bejn il-maġġoranza tal-Għarab Xiti u l-komunitajiet Għarab Sunniti u Kurdi fl-Iraq. Il-komunitajiet inkwistjoni kienu akkużaw il-Gvern li wasal biex jispiċċa rigward politika li eskludiet l-entitajiet politiċi li hu ma kienx jaqbel magħhom.
Fl-istess ħin, mistenni li l-Istati Uniti żżid l-għajnuna militari lill-Iraq bħala kundizzjoni għall-impenji lejn Gvern Iraqi magħqud u li jirrappreżenta l-faxxex kollha tas-soċjeta Iraqqija.