Żagħażugħ minn Ħal-Qormi ammetta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li wettaq serqa minn dar f’Birkirkara u li pprova jisraq minn residenza oħra f’Santa Venera nhar is-Sibt li għadda. Justin Coleiro ta’ 22 sena ftiehem u assoċja ruħu ma’ persuni oħrajn biex jagħmlu għadd ta’ serqiet oħra.
L-Ispetturi Arthur Mercieca u Sarah Magri li mexxew il-Prosekuzzjoni qalu li s-Sibt tard filgħaxija l-Pulizija kienet infurmata li numru ta’ persuni kienu qegħdin jitlajjaw fl-inħawi ta’ dar f’Santa Venera u lib dew jaġixxu b’mod suspettuż.
Il-Pulizija marru fuq il-post u tkellmu ma’ dawn il-persuni li qalulhom li kienu sejrin jimxu. Saret tfittxija fil-kaorzza ta’ Coleiro fejn hemm instabu żewġ turnaviti u oġġetti oħra relatati ma tagħmir ta’ sgass kif ukoll kpiepel u xalel.
L-Avukat Anthony Stellini għamel talba għal liberta’ proviżorja tal-akkużat fejn qal li l-ħabs ikun ta’ detriment psikoloġiku għal klijent tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba minħabba dak li qalet il-gravita’ tar-reat u l-biża li jiġu kontaminati l-provi li għad iridu jinstemgħu fil-Qorti il-quddiem. Coleiro baqgħu miżmum arrestat.
//= $special ?>
