Malta illum qed tfakkar Jum il-Vitorja – festa pubblika – li tikkommemora l-ġrajja ta’ żewġ assedji li saru fuq il-gzejjer Maltin. Din il-ġurnata taħbat ukoll mat-tifkira tat-twelid tal- Verġni Marija, magħrufa aħjar bħala l-Bambina, festa iċċelebrata fl-Isla, fin-Naxxar, u fil-Mellieħa f’Malta u fix-Xagħra, Għawdex.
Il-Kumitat Festi Nazzjonali fakkar dan il-jum bit-tqegħid ta’ kuruni fuq il-Monument tal-Assedju quddiem il-Qorti, il-Belt kif ukoll fuq il-monumenti tal-Vitorja fil-Birgu u fl-Isla kif ukoll fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
L-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina, akkumpanjata mil-Logutenent Stephanie Debono tal-Forzi Armati ta’ Malta, attendiet għat-tqegħid ta’ kuruna quddiem il-Monument tal-Assedju, il-Belt. Wara li ingħata salut minn Gwardja tal-Unur tal-Armata, indaqqet fanfarra minn żewġ trumbettieri tal-Forzi Armati. Imbaghad l-Agent President ta’ Malta poggiett kuruna quddiem il-monument.
Sussegwentament, rapprezentanti mill-Kumitat Festi Nazzjonali poggew aktar kuruni quddiem monumenti oħrajn, fosthom fil-Birgu – magħruf ukoll bħala Citta’ Vittoriosa.
Intant matul dan il-jum tfakkru ż-żewġ assedji li saru fuq Malta – wieħed fis-Seklu 16 u ieħor fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fl-1565, wara iktar minn tliet xhur assedju, l-Ottomani li kienu qed jassedjaw lill-Birgu u lill-Isla, irtiraw u telqu minn dik ix-xaqliba tal-gżira. Anki jekk il-battalji ma kinux spiċċaw, għax kien għad fadal battalja lejn San Pawl il-Bahar, jista’ jingħad li dan kien l-aħħar jum tal-Assedju l-Kbir, deskritt bħala fost l-iktar wieħed imdemmi fl-istorja tad-dinja u l-ikbar assedju fl-istorja ta’ Malta.
Fis-7 ta’ Settembru 1565, kien wasal il-Gran Soccorso, jew aħjar l-għajnuna minn Sqallija għal Malta, li kienet daqqa ta’ ħarta ghat-Torok.
Malta wkoll għaddiet minn assedju ieħor fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1943, l-Italja kienet ċediet u spiċċat biex daret kontra l-Ġermanja Nażista, li qabel kienet alleata tagħha. Dan wassal għal waqfien ta’ attakki mill-ajru min-naħa tat-Taljani fuq Malta, u t-tmiem tal-gwerra għall-Maltin.
//= $special ?>