Manager ta’ ħanut tax-xorb Taljan ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nathasha Galea Sciberras li hedded lil diversi uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li joqtolhom u li saħansitra jaħraqhom. Allegatament dan seħħ għall-ħabta tal-5.30 a.m. meta l-Pulizija marru fil-ħanut fejn jaħdem u talbuh biex ibaxxi l-mużika.
Vincenzo Brancaccio ta’ 48 sena, residenti San Ġiljan wieġeb mhux ħati ta’ dan it-theddid fejn ġie mixli wkoll li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-“bar”. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, li ma obdiex l-ordnijiet leġittmi tal-Pulizija u li kien fis-sakra fil-pubblu u għalhekk ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.
L-Ispettur Jason Sultana qal li l-inċident seħħ wara li l-Pulizija rċevew rapport li kienet qed tinstema’ mużika għolja minn ħanut tax-xorb li qed imnexxi Brancaccio. Meta l-Pulizija marru fuq il-post, allegatament it-Taljan hedded li joqtolhom u ħebb għal surġent fejn waqqgħu ma’ l-art u għamillu ħsara fin-nuċċali u l-mobile. Xhieda fil-każ qalu wkoll li l-akkużat hedded li jaħraq lill-Pulizija.
L-Avukat difensur Joseph Giglio qal li s-sieħba ta’ Brancaccio qalet lill-Pulizija li hi kienet responsabbli għall-ħanut u li l-Pulizija messhom ħadu d-dettalji tagħha u mhux tiegħu. Madankollu l-Pulizija nsistew li jieħdu tiegħu u kien hawn li s-sitawazzjoni ekalat.
L-Avukat Giglio qal ukoll li emendi riċenti dwar reati li jinvolovu każijiet ta’ uffiċjali pubbliċi saru aktar ħorox, speċjalment meta dawn l-uffiċjali ikunu ġew aggrediti. Il-piena massima telgħet minn18-il xahar għal erba’ snin ħabs u li dawn issa huma akkumpanjati minn multi aktar ħorox.
“Għandna piena aktar ħorox u jdejn aktar ħfief,” qal l-Avukat Giglio. Huwa wara talab lill-Qorti biex tappunta tabib biex jeżamina lill-klijent u lis-sieħba tiegħu. L-Ispettur Sultana qal li Brancaccio qatt ma talabx biex jiġi eżaminat minn tabib waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija.
L-Avukat Giglio qal li anke minkejja li anke bil-ħwejjeġ jidher evidenti li l-klijent tiegħu għandu xi ġrieħi, kien id-dmir tal-Pulizija li jirreferuh għal għand tabib. L-akkużat ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożit ta’ €500 u garanzija personali ta’ €6,000.

