L-istħarriġ li l-uffiċċju tal-Gvern Malti dwar l-istatistika ppubblika nhar l-Erbgħa li għadda dwar il-faqar għandu jkun diskuss għax hu stħarriġ serju dwar id-diżugwaljanza, il-faqar u ċ-ċaħda materjali. Il-problema hi, imma, li ħiereġ ċar li l-Gvern Laburista ħsiebu biss biex imewwet ir-riżultati u d-diskussjoni, flok jindirizza l-faqar kif wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Stħarriġ xjentifiku
Dan l-istħarriġ isir b’mod xjentifiku fuq 5,000 familja li fihom 12,000 ruħ u għalhekk irid jittieħed bis-serjetà għax hu stħarriġ kbir li jsir fuq kriterji Ewropej madwar l-Unjoni Ewropea kollha. L-istħarriġ jieħu x’daħħlu l-familji fis-sena ta’ qabel ma jsir u l-kundizzjonijiet li jkunu qed jgħixu fihom fis-sena kurrenti, dak il-ħin li jsir.
Fl-2012, żieda ta’ 1,119-il ewro fid-dħul tal-familja medja
L-istħarriġ jikkonferma ż-żieda fil-pagi fl-aħħar sena sħiħa tal-Gvern Nazzjonalista. Issa għandna konferma ċara li fl-2012, il-familja medja daħħlet 1,119-il ewro aktar mis-sena ta’ qabel. Maħdumin ras għal ras, dawn jiġu 644 ewro aktar. Dan jikkonferma wkoll ċifri oħrajn li juru żieda simili fil-paga medja kull sena bejn l-2008 u l-2012.
Mistoqsijiet dwar iċ-ċaħda materjali fl-2013
Dwar l-2013, meta sar l-istħarriġ u meta saru l-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet li fihom qed jgħixu l-familji, għandna riżultati li għandhom iħassbu lil min ġenwinament irid jaħdem kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali.
Fl-2013, 6,300 iżjed ma jaffordjawx żamma tajba tad-dar
Jirriżulta li fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, dawk li ma jaffordjawx li jżommu d-dar f’temperatura sura żdiedu b’6,283.
8,000 aktar ma jaffordjawx ikla bil-laħam kull jumejn
Dawk li ma jaffordjawx vaganza mqar darba f’sena żdiedu b’9,777 fl-2013. U dawk li ma jaffordjawx ikla bil-laħam jew ħut imqar darba f’jumejn żdiedu bi 8,081.
Żieda fl-2013 f’dawk imċaħħdin severament
Dan wassal għal żieda inkwetanti fl-2013 f’dawk li skont il-kriterji Ewropej huma meqjusin bħala imċaħħdin bil-qawwi, ‘severament’, mill-bżonnijiet materjali.
Għafsa fuq il-pagi fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista
Għal dan irridu nfittxu r-raġunijiet li qegħdin fi statistika oħra li ħarġet m’ilux mill-uffiċċju tal-Gvern Malti dwar l-istatistika, l-NSO, li qed jikkonferma li l-paga medja fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista żdiedet b’rata ferm anqas minn qabel, b’96 ewro.
L-aħħar fl-Ewropa għax-xiri mill-ħwienet u minn fuq l-internet
U l-uffiċċju Ewropew tal-istatistika, il-Eurostat, ilu xhur joħroġ iċ-ċifri dwar il-bejgħ fil-ħwienet u fuq l-internet li juru lil Malta l-aħħar fl-Ewropa bi tnaqqis fil-bejgħ li hu l-aktar qawwi fl-Ewropa kollha. Tnaqqis fil-bejgħ riżultat ukoll tal-għafsa fuq il-pagi.
Ħafna fuqiex wieħed jaħseb u jaħdem
Dawn huma l-fatti. Min ġenwinament irid jaħdem kontra l-faqar u kontra ċ-ċaħda materjali li qed isofru aktar nies, għandu fuqiex jaħseb u jaħdem. Imma jrid ikollu r-rieda ġenwina, mhux biss it-tidwir tal-propaganda.