Internazzjonali Kurżitajiet

Żagħżugħ mill-Belarus jista’ jiġi mmultat għax innomina lill-President ta’ pajjiżu għall-Ice Bucket Challenge

L-isfida tal-Ice Bucket Challenge qed tkompli għaddejja madwar id-dinja, b’dejjem aktar nies jieħdu ħasla b’ilma kiesaħ bis-silġ bil-għan li jinġabru fondi għall-ALS Association. Ir-‘regoli’ tal-isfida jitolbu li min jaċċettaha għandu jinnomina tliet persuni oħra biex din tibqa’ għaddejja kemm jista’ jkun.

Min aċċetta l-isfida … u min le! Iżda żgur li ħadd ma ħaseb li jista’ jiġi mmultat għax jinnomina lil xi ħadd biex jagħmel l-Ice Bucket Challenge. Fix-xhur li għaddew kienu diversi l-personalitajiet u l-politiċi internazzjonali li aċċettaw l-isfida. Madankollu, oħrajn għażlu li jagħtu d-donazzjoni lill-ALS Association mingħajr ma jieħdu l-ħasla.

Fost il-politiċi internazzjonali li jidher li ma ħadux gost bl-isfida hemm il-President tal-Belarus Alexander Lukashenko, li fil-jiem li għaddew kien sfidat minn żagħżugħ mill-Belarus biex jaċċetta l-isfida b’risq dawk fil-bżonn. Iż-żagħżugħ, Dmitry Dayneko, innomina lill-President ta’ pajjiżu biex jagħmel bħalu wara li tnejn minn sħabu tefgħulu fuq rasu l-ilma bis-silġ (ritratt).

Iżda lanqas kienu għaddew ftit minuti li ż-żagħżugħ ma kienx ikkuntattjat mill-Pulizija lokali ħalli jagħti spjegazzjoni għan-nomina tiegħu. Barra minhekk, il-Pulizija lokali heddidu wkoll li dawk kollha li qed jidhru fil-filmat se jingħataw multa jekk il-filmat ma jitneħħiex immedjatament. Rapporti fil-media internazzjonali qalu li ż-żagħżugħ kien ikkuntattjat u mwissi għax “għamel xi ħaġa kontra (l-President) Lukashenko”.

Min-naħa tiegħu, iż-żagħżugħ stqarr biss li nnomina lill-President ta’ pajjiżu biex din l-isfida b’risq min hu fil-bżonn tkompli ddur anke fil-Belarus.