Karmenu Vella ġie propost għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi. Dan sar magħruf f’konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li matulha ppreżenta l-lista sħiħa tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Juncker għamel diversi tibdiliet f’il-Kummissjoni, fosthom li neħħa l-Kummissarju għas-Suq Intern, ħoloq il-kariga ta’ Viċi President Prinċipali, saħħaħ il-portafoll tas-Servizzi Finanzjarji u ħoloq portafoll għall-Unjoni tal-Enerġija u s-Suq Diġitali.
Fost il-portafolli prominenti, il-Franċiż Pierre Moscovici ġie nnominat bħala l-Kummissarju għall-Ekonomija u l-Affarijiet Finanzjarji, filwaqt li l-Kummissarju għall-Kummerċ se tkun l-Iżvediża Cecilia Malmstrom. Kif kien mistenni, it-Taljana Federica Mogherini se tkun ir-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin. L-Immigrazzjoni se tkun f’idejn il-Kummissarju Grieg Dimitris Avramopulos. Karmenu Vella se jkun l-ixjeħ Kummissarju fil-grupp, flimkien mal-Ispanjol Miguel Arias Canete, li wkoll għandu 64 sena.
Karmenu Vella se jkun ukoll l-ewwel Malti li qatt kellu fir-responsabbiltà tieghu l-portafoll tal-Ambjent, filwaqt li se jkun it-tieni bir-responsabbiltà tas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, wara l-ewwel Kummissarju Malti Joe Borg. Fil-Kummissjoni Ewropea se jkun hemm disa’ nisa, filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk proponuti ġejjin mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Hemm ukoll sebgħa li qabel diġà servew bħala Kummissarji Ewropej.
Sadanittant, issa jmiss li x-xahar id-dieħel il-Parlament Ewropew jagħmel il-proċess ta’ grilling lil dawn il-Kummissarji u jittieħed il-vot li japprovahom. Imbghad, il-Kummissarji Ewropej il-ġodda jibdew bil-ħidma tagħhom fl-1 ta’ Novembru.
Agħfas fuq l-istampa ta’ hawn taħt biex tara l-portafolli kollha.