Se ssir ukoll Hillclimb fil-Mellieħa u parata b’muturi antiki.
Bejn id-9 u t-12 ta’ Ottubru se ssir it-tmien edizzjoni tal-Mdina Grand Prix li kien sar għall-ewwel darba fl-2007, dakinhar madwar il-belt Valletta. Dan il-GP jattira nteress qawwi minn eluf ta’ dilettanti Maltin li darba fis-sena jkunu qed jisetnnew bil-ħerqa biex ikollhom iċ-ċans li jaraw karozzi klassiċi u tal-epoka li wħud minnhom jiġu apposta minn barra biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment uniku f’pajjiżna.
Din is-sena l-organizzaturi għażlu li biex iżidu l-ispettaklu jdaħħlu wkoll il-muturi klassiċi li se jkunu qed jagħtu spettaklu mhux kompetittiv. B’kollox s’issa hemm 12-il mutur lokali li se jieħdu sehem.
Għall-edizzjoni ta’ din is-sena l-organizzaturi qed jistennew bejn 60 u 70 parteċipant li 19 minnhom se jkunu ġejjin mill-Ingilterra u l-Italja. L-eqdem karozza li se tieħu sehem f’dan il-Grand Prix hi Citroen tal-1926 li kienet tieħu sehem ukoll f’avvenimenti simili fi New Zealand.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Joe Zammit Tabona qal li dan l-avveniment issa daħal sewwa fil-kalendarju lokali tant li ħafna turisti dilettanti ta’ dawn il-karozzi jagħżlu li jiġu jqattgħu btala f’Malta proprju fl-istess jiem ta’ dan il-Grand Prix biex ikunu jistgħu jassistu għalih.
Charles Zahra, Segretarju :enerali tal-Fondazzjoni Valletta GP qal li l-parteċipanti se jkunu qed jaslu Malta bejn is-6 u t-8 ta’ Ottubru u bħas-snin ta’ qabel ħadu ħsieb biex jorganizzawlhom diversi tours f’siti storiċu u postijiet ta’ interess f’Malta u Għawdex. Huwa qal li din is-sena l-iscrutineering se jkun qed isir fejn l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra l-Ħadd fejn il-pubbliku se jkun jista’ jara wkoll dawn il-karozzi u jiltaqa’ mal-parteċipanti fi Pjazza San Pawl.
Tħabbar ukoll li wara s-suċċess miksub fl-2012 meta waqt dan il-Grand Prix kienet saret il-Hillclimb b’dawn il-karozzi, din is-sena reġgħet inħasset il-ħtieġa li terġa’ ssir din il-Hillclimb il-Ħamis 9 ta’ Ottubru fil-Mellieħa lejn l-Imtarfa. Se jkun qed jerġa’ jsir ukoll il-Concors d’Elegance fl-10 ta’ Ottubru fil-pjazza ta’ quddiem il-Katidral fl-Imdina fejn se jkunu esposti wkoll il-muturi antiki kif ukoll se jkun hemm sezzjoni riservarta għall-Maserati li din is-sena qed jiċċelebraw il-100 sena mit-twaqqif tagħhom.
Is-Sibt ukoll 11 ta’ Ottubru ssir l-ewwel tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ 2.2 km mad-dawra tas-swar tal-Imdina u wara nofsinhar il-kompetituri itellqu kontra l-ħin biex jaraw kif se jkunu qed jikkompetu l-Ħadd. Bejn l-4 u l-5 p.m. l-orgazzaturi ħabbru li din is-sena anke l-paddock area se tkun miftuħa għall-pubbliku waqt li se jsiru żewġ stands ġodda f’postijiet vantaġġjużi għall-ispettaturi fejn il-biljetti li huma b’xejn se jingħataw fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel.
Il-qofol tal-Mdina Grand Prix jintlaħaq il-Ħadd fejn l-aktar 10 karozzi veloċi s-Sibt jikkwalifikaw biex jikkompetu fl-ewwel grupp bir-rebbieħ jingħata t-trofew tal-Mdina Grand Prix u arloġġ Chopard. Il-karozzi l-oħra jieħdu sehem f’kategoriji differenti.
Preżenti għat-tnehdija ta’ dan l-avveniment kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi, s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius flimkien mas-Sindki tal-Mdina, il-Mellieħa u l-Imtarfa.
//= $special ?>

