Il-Gvern ilbieraħ ħabbar li l-benefiċċju taċ-Child Supplement se jinbidel, bil-Ministru li issa hu responsabbli mill-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li ħabbar miżura ġdida. Madankollu, fil-verità din kienet l-istess miżura li ħabbret Marie Louise Coleiro Preca f’Marzu 2014, bid-differenza li minflok ma l-benefiċċju jingħata għall-ewwel tlett itfal, issa se jingħata għall-ewwel tnejn biss.
Dan it-tibdil wassal għal rabja fost numru ta’ ġenituri, li kkuntattjaw lil MaltaRightNow.com għax ħassew li l-Gvern irid jgħaddi ż-żmien bihom. Il-ġenituri li kkuntattjawna saħqu li ma jistgħux jifhmu għaliex l-ewwel kienu mwegħda mod u issa se jsir mod ieħor. Huma appellaw biex il-Gvern ma jgħaddix lin-nies biż-żmien, speċjalment lil dawk li verament għandhom bżonn l-għajnuna.
F’Marzu 2014, meta dak iż-żmien Marie Louise Coleiro Preca kienet għadha Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, kienet tħabbar li l-Gvern se jibda jagħti l-benefiċċju taċ-Child Supplement, li m’għandux x’jaqsam maċ-Children’s Allowance għaliex iċ-Child Supplement se jkun marbut mal-attendenza tat-tfal fl-iskejjel, il-parteċipazzjoni tat-tfal f’attivitajiet sportivi u kulturali, ma’ check-ups tas-saħħa u attenzjoni psiko-soċjali.
Barra minhekk, Coleiro Preca kienet ħabbret ukoll li minn dan il-benefiċċju jistgħu jibbenefikaw koppji li jaqilgħu anqas minn €11,000 u anke single parents li jaqilgħu anqas minn €9,000. Iżda filwaqt li dawn il-benchmarks se jibqgħu fis-seħħ u filwaqt li f’Marzu Coleiro Preca ħabbret li l-benefiċċju ta’ €400 se jingħata ghall-ewwel tlett itfal, dan issa se jinbidel għall-ewwel żewġt itfal.
Jirriżulta li fil-pajjiż hawn aktar minn 7,700 single parent bi dħul ta’ anqas minn €9,000 b’numru ta’ tfal li jammontaw għal madwar 12,400 tifel u tifla. Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll li hawn aktar minn 5,000 koppja bi dħul ta’ anqas minn €11,000 li għandhom madwar 10,000 tifel u tifla.
//= $special ?>

