Il-Caritas qed tipproponi li minflok dekriminalizzazjoni tad-droga jkollna depenalizzazjoni ta’ droga, li jfisser li bl-Abbozz ta’ Liġi tad-Droga tibda ma tingħatax piena ta’ ħabs effettiv għal min jinqabad l-ewwel darba bil-pussess sempliċi ta’ droga. Il-proposti tal-Caritas ġew ippreżentati lill-Gvern bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni fit-tfassil tal-Abbozz tal-Liġi dwar id-Droga.
Fost l-oħrajn, Caritas Malta qed tipproponi li titwaqqaf Qorti tad-Droga fuq l-istess linja ta’ kif taħdem il-Qorti tal-Familja. Hemm bżonn ukoll linji gwida ċari biex tingħata l-piena mistħoqqa għal min jinstab ħati. Fir-rapport ippreżentat lill-Gvern, Caritas Malta tinsisti li l-użu mediċinali tal-kannabis m’għandiex tkun parti minn dan l-Abbozz. Il-Caritas tgħid li l-kannabis hi ta’ ħsara u l-abbuż minnha għandu jibqa’ att illegali.
Caritas tkompli tgħid li d-drogi li jissejħu soft drugs huma meqjusa bħala l-ewwel pass li jwassluk għal drogi oħrajn minbarra li jagħmlu ħsara lil min jieħodhom.
Il-White Paper dwar id-Droga kienet imnedija mill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Owen Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet f’Lulju li għadda, li fiha spjega li l-pjan tal-Gvern hu li l-Liġi l-ġdida tkun għaddiet mill-Parlament sal-aħħar tal-2014. Filwaqt li tirrikonoxxi li d-droga hi essenzjalment ħażina, il-White Paper tikkunsidra l-użu personali tad-droga tal-abbuż bħala problema ta’ saħħa u problema soċjali, u mhux biss bħala problema kriminali.
Il-qofol tal-Liġi hu dwar min jinqabad b’pussess sempliċi għall-ewwel darba. Dawn il-persuni issa qed ikun propost li jibdew jingħataw twissija minn Kummissarju tal-Ġustizzja speċjalizzat.
//= $special ?>