Jgħixu ġimgħat sħaħ fi triq nofsha maqlugħa u fl-intiena tad-drenaġġ
Numru ta’ familji minn Ta’ Sannat ilhom ġimgħat sħaħ ibatu minħabba deċiżjonijiet irresponsabbli li ttieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat f’Għawdex, immexxi mis-Sindku Laburista Philip Vella.
Residenti li ikkuntatjaw lil dan il-ġurnal qalulna li madwar tmien ġimgħat ilu, il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat beda b’xogħlijiet fi Triq l-10 t’Ottubru, xogħol li wassal biex partijiet kbar mit-triq jinqalgħu għat-tiswija. Iżda ġimgħatejn biss wara li tnieda dan ix-xogħol, il-Kunsill Lokali, mingħajr raġuni, waqqaf ix-xogħol kollu ħesrem. Dawk li tkellmu magħna qalulna li għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat ir-residenti kollha spiċċaw jgħixu f’kundizzjonijiet mill-agħar, tant li t-trab tat-triq spiċċa wassal biex bosta minnhom jingħalqu fid-djar tagħhom, bit-twieqi magħluqin minkejja s-sħana kiefra tas-sajf. Dan minbarra l-intiena tad-drenaġġ li l-familji qed ikollhom jissaportu għal ġimgħat sħaħ minħabba l-istat li tinsab fiha t-triq tagħhom.
Dawn l-istess residenti għall-ewwel pruvaw jikkuntatjaw lis-Sindku tagħhom, biex jistaqsu għaliex ix-xogħol fit-triq tagħhom twaqqaf ħesrem, biex jispjegawlu t-tbatija li għaddejjin minna u biex forsi jsiru jafu meta l-Kunsill beħsiebu jkompli bix-xogħol pjanat. L-istess Sindku jaħdem ukoll fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru għal Għawdex Anton Refalo, iżda minkejja l-kariga tiegħu, xorta naqas milli jindirizza l-problemi ta’ dawn il-familji.
Sorsi li tkellmu magħna saħansitra qalulna li s-Sindku qalilhom biex “ma jindaħlux għax ix-xogħol tal-Kunsill mhux affarihom” jew inkella li l-Kunsill se jkompli x-xogħol “meta jkollu l-flus meħtieġa”, stqarrija li turi li bħalissa l-Kunsill m’għandux flus.
Darhom mal-ħajt, dawn ir-residenti tkellmu ma’ dan il-ġurnal bit-tama li l-pubbliku jsir jaf b’dak li huma għaddejjin minnu, u biex forsi l-Kunsill Lokali jiċċaqlaq u jkompli x-xogħol li beda xhur ilu fit-triq residenzjali tagħhom.
//= $special ?>

