Lokali

Il-PN mistenni jħabbar l-ewwel kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali

Fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista mistenni jħabbar l-ewwel kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali li tmiss. Dan ħabbru l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil meta llejla kien il-mistieden ewlieni waqt il-programm “Iswed fuq l-Abjad”, ippreżentat mill-Avukat Frank Psaila fuq NET Television. Fl-intervista, il-Kap tal-PN tkellem dwar ir-riformi li qed iwettaq il-Partit u sostna li dawn il-bidliet huma intenzjonati biex il-PN jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu ħalli jsir Partit viċin in-nies.

Simon Busuttil qal ukoll li għall-PN, ir-raġunijiet miġjuba mill-Gvern biex ma jagħmilx l-elezzjonijiet li jmiss tal-Kunsilli Lokali m’humiex validi u se jwasslu biex ixekklu d-demokrazija. Filwaqt li kkritika lill-Gvern b’nuqqas ta’ trasparenza billi ma jippubblikax kuntratti pubbliċi, fosthom dak ta’ Henley & Partners, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kuntrarjament għall-Partit Laburista, mill-Oppożizzjoni l-PN ressaq proposti pożittivi.

Dwar l-istrutturi tal-konkos f’Mater Dei, Simon Busuttil qal li l-PN insista li ssir investigazzjoni u ried dibattitu fil-Parlament, iżda l-Gvern irrifjuta. Qal li l-Gvern kellu jippubblika rapport suppost mimli skandli dwar Mater Dei, iżda qatt ma kien ippubblikat xejn. Sostna wkoll li hu xokkanti li fl-aħħar sena, taħt Gvern Soċjalista, il-faqar fil-pajjiż żdied propju għax il-pagi fil-pajjiż mhux jiżdiedu skont il-ħtieġa.

Il-Kap tal-PN ikkritika lill-Gvern dwar it-trasport pubbliku u qal li minkejja li r-riformi li wettaq il-Gvern Nazzjonalista ma tawx ir-riżultati mixtieqa fit-totalità tagħhom, is-sitwazzjoni llum taħt Gvern Laburista marret għall-agħar, bl-indikazzjonijiet li s-sussidji u n-nollijiet se jogħlew. Sadanittant, waqt “Iswed fuq l-Abjad”, Simon Busuttil ħabbar ukoll li minkejja li ma saritx konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, il-Membri Parlamentari Ewropej tal-PN se jkunu qed jivvotaw favur in-nomina ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew.