Nhar il-Ħadd, it-28 ta’ Settembru, SmartCity Malta se tkun qed tilqa’ t-tielet edizzjoni tal-8km Road Race, organizzata għal sena oħra minn St Patrick’s Athletic Club.
It-tellieqa se tibda mil-Laguna Walk fi SmartCity Malta fit-8.30am, fejn il-parteċipanti mbagħad jiġru għall-bajja ta’ Bighi imbagħad għal Triq il-Missjoni Taljana. Mill-Kalkara, l-atleti se jmorru x-Xgħajra permezz tal-korsa madwar iċ-Ċimiterju Navali tal-Kalkara. L-atleti imbagħad jinżlu għall-Promenade tax-Xgħajra u jirritornaw lejn Laguna Walk fi SmartCity Malta.
Matul il-ġurnata se jkun hemm ukoll mixja ta’ 8km u tellieqa ta’ 2km għaż-żgħar, u b’hekk se jkun avveniment mimli divertiment għall-familja kollha.
Filwaqt li kien qed jikkummenta dwar l-appoġġ li SmartCity Malta qed tagħti lil din it-tellieqa, il-Kap Eżekuttiv ta’ SmartCity Malta, Anthony P. Tabone qal, “Aħna kburin li qed nassoċjaw lilna nfusna ma’ din it-tellieqa għat-tielet sena konsekuttiva, speċjalment wara s-suċċess tal-ewwel żewġ avvenimenti.
“Inizjattivi bħal dawn, bħall-appoġġ ta’ SmartCity Malta lejn is-St Patrick’s Athletic Club, jirriflettu l-impenn tal-proġett sabiex jippromwovi bilanċ tajjeb ta’ xogħol u divertiment li hu marbut mat-township kummerċjali ta’ għixien, divertiment u xogħol li qed tiġi ddisinjata hawn.”
Il-premjijiet, sponsorjati minn SmartCity Malta, se jingħataw lill-ewwel tlett irġiel u nisa li jispiċċaw it-tellieqa. Il-parteċipanti kollha se jirċievu medalja kommemorattiva u jingħataw affarijiet oħra promozzjonali minn Nestlé, Gatorade, Twistees u Raysun.
Formoli ta’ applikazzjoni jistgħu jitniżżlu mill-websajt ta’ St Patrick Athletic Club, www.stpatricksac.com. Il-parteċipanti jistgħu japplikaw ukoll onlajn fuq il-websajt tal-klabb fejn se jittellgħu r-riżultati 24 siegħa wara t-tellieqa.
//= $special ?>
