Minkejja li bħalissa suppost għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni biex jinbidel l-Avviż Legali Numru 76 tal-2014, li permezz tiegħu l-Gvern se jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-istudenti, dan il-ġurnal huwa nfurmat li l-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni bħalissa qed jiġbor xortra waħda l-informazzjoni dwar l-istudenti.
Kien ix-xahar li għadda meta, wara ħafna kritika li qala’ l-Gvern fuq dan l-Avviż Legali kontroversjali, il-Ministru Evarist Bartolo għamel U-turn u f’deċiżjoni li tikkonferma kemm kellha raġun l-Oppożizzjoni, ħabbar li qed iwaqqaf Working Group biex jistudja dan l-Avviż Legali u fis-27 t’Awwissu fetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni biex ibiddlu.
Il-Partit Nazzjonalista, li kien hu li żvela kif dan l-Avviż Legali ddaħħal bil-moħbi, kien insista li l-Gvern kellu jannulla l-Avviż Legali oriġinali b’mod immedjat, qabel ma tibda l-konsultazzjoni pubblika.
Dan għaliex, kienet saħqet l-Oppożizzjoni, f’soċjetà serja, il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jiġi fl-ewwel stadju u mhux wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet u daħlet fis-seħħ.
Issa In-Nazzjon tista’ tiżvela kif minkejja s-suppost konsultazzjoni li għadha miftuħa, il-Kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja ġew mitluba jgħaddu d-dettalji tal-istudenti tagħhom lill-Gvern, milli jidher fuq ordni li li ħarġet min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni mmexxi minn Evarist Bartolo.
Dan jirriżulta minn ittra li għandu f’idejh dan il-ġurnal u li turi kif it-tagħrif sensittiv li l-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja ntalbu jgħaddu lill-Gvern jinkludi l-isem ta’ kull student, id-data tat-twelid, f’liema sena qiegħed l-istudent, jekk għandux xi kundizzjoni u jekk għandux bżonn għajnuna fejn jidħol tagħlim. L-ittra tgħid li l-informazzjoni għandha tinġabar u tiġi mgħoddija sas-26 ta’ Settembru.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali kienet qanqlet kritika qawwija mhux biss min-naħa tal-istudenti nfushom, u mill-ġenituri tagħhom, imma anke minn diversi għaqdiet li jirrappreżentaw u jaħdmu fl-interess tal-istudenti, fosthom il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).
L-istorja ta’ dan l-Avviż Legali hija waħda twila, karatterizzata minn diversi nuqqasijiet. L-ewwel, il-Gvern daħħlu fis-seħħ bil-moħbi, meta l-Oppożizzjoni kixfet il-każ, iddefendieh, imbagħad ivvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi annullat, wara, meta l-Avviż Legali baqa’ fis-seħħ, il-Gvern ħabbar li se jinbidel, waqqaf Working Group biex jirrevedih….u finalment ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan it-tibdil.
Il-pożizzjoni konsistenti tal-PN u tal-vuċijiet kollha li tkellmu kontra dan l-aġir tal-Gvern kienet dejjem li l-ebda Ministru mgħandu jkollu l-poter li jakkwista informazzjoi sensittiva u kunfidenzjali dwar l-istudenti, kif irid jagħti poter lilu nnifsu li jagħmel il-Gvern Laburista.
//= $special ?>
