Qorti

L-akkużati bil-qtil ta’ Alphonse Ferriggi b’talba oħra għal-libertà proviżorja, id-deċiżjoni mistennija l-Ġimgħa

Id-Difiża fil-każ ta’ James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi, magħruf bħala “Il-Frejżer”, u Chris Scerri ta’ 35 sena minn Tal-Pietà, magħruf bħala “Gazzetti” jew “Buttuni”, akkużati bil-qtil tal-messaġġier ta’ Bank of Valletta Alphonse Ferriggi fl-2000 għamlu talba oħra għal-libertà proviżorja. Vella u Scerri qed iwieġbu mhux ħatja quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li qatlu lil Ferriggi b’tir ta’ senter fit-18 ta’ Settembru 2000.

Il-Qorti qalet li se tkompli tisma’ l-każ il-Ġimgħa li ġej, meta mistennija tiddeċiedi jekk tilqax it-talba jew le. Talba oħra għal-libertà proviżorja kienet saret f’Lulju li għadda, iżda din it-talba ma kinitx intlaqgħet. Ferriggi kien inqatel meta kien qed jiddepożita xi dokumenti tal-Bank għall-ħabta tal-5.30am, meta l-aggressuri ħasbu li kien qed jiddepożitu flus kontanti.

Dwar dan il-każ, Richard Grech, magħruf bħala “Iz-Zinnanna” kien intbagħat għomru l-ħabs, filwaqt li Joseph Zammit qed iservi sentenza ta’ 31 sena u sitt xhur ħabs wara li nstab ħati f’ġuri separat ta’ kompliċità fil-qtil. Wara li appella s-sentenza tiegħu, kienet tnaqqset b’sena u nofs għal 30 sena ħabs.

Fit-talba tiegħu l-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri qed jidher għall-akkużati, qal li issa x-xhieda prinċipali xehdu fil-każ u għalhekk il-klijenti tiegħu għandhom jibbenefikaw mill-libertà proviżorja. Tenna li issa hu l-mument li Vella u Scerri jkollhom it-talba tagħhom milqugħa. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Keith Arnaud, qalet li baqa’ erba’ xhieda importanti fosthom żewġ pajżana, li waħda minnhom tinsab l-Isptar u l-oħra ma tistax tinstab. Iridu jixhdu wkoll żewġ Uffiċjali għolja tal-Pulizija, fosthom l-Ispettur Chris Pullicino, li mistenni jixhed il-Ġimgħa. L-Ispettur Arnaud qal ukoll li hu kien se jopponi wkoll minħabba l-gravità tal-każ.

Scerri u Vella qed jiġu mixlijin ukoll li serqu diversi dokumenti bankarji b’dannu għall-BOV, li żammew lil Ferriggi kontra l-volontà tiegħu, li sparaw l-arma f’distanza ta’ 200 metru f’post abitat, li kellhom arma mingħajr permess u liċenzja tal-Pulzija, li wettqu dannu fuq karozza tal-BOV u li serqu karozza tat-tip Volkswagen Golf b’dannu għal Alessandro Loporto.

Illum xehed Anthony Muscat, li qal li ta’ kuljum kien jistenna t-trasport biex imur għax-xogħol fejn il-bandli ta’ San Ġwann, fejn joqgħod. Qal li l-bandli jinsabu fit-triq prinċipali u għall-ħabta tal-4.50am dakinhar tal-inċident ra karozza tat-tip Volkswagen titla’ min-naħa ta’ San Ġiljan lejn id-direzzjoni ta’ San Ġwann u għamlet u-turn kontra r-regolamenti tat-traffiku għal fejn l-iskola.

Muscat qal li ra l-karozza tliet darbiet u kienet qed tinstaq b’mod normali. Kien biss waqt il-u-turn li nstaqet b’veloċità eċċessiva. Qal li l-għada tal-inċident kien mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għax riedu jkellmuh.