Matthew Mamo dan l-aħħar ħa sehem b’suċċess f’kors tal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball (EHF) li sar fi Vjenna u fih ipparteċipaw 17-il delegat ieħor minn diversi pajjiżi Ewropej.
Dan il-kors kien ikopri l-aspetti kollha ta’ x’jirrikjedi rwol ta’ delegat f’partita tal-Handball inkluż ir-regolamenti tal-logħba u każi relatati mar-referee flimkien ma’ tmexxija tal-avveniment b’enfasi speċjali fuq il-marketing, it-TV u s-sigurtà.
Mamo issa se jkun assenjat biex jaħdem fil-kompetizzjonijiet tal-Handball fl-Ewropa għall-istaġun 2014-15.
Intant id-delegat tal-EHF Alan Grima se jmur l-Awstrija għaż-żewġ logħbiet mill-ewwel round tal-EHF Cup tal-irġiel bejn Bregenz Handball tal-Awstrija u HC Dragunas Klaipeda tal-Litwanja.
Iż-żewġ partiti se jintlagħbu fil-Handballarena Rieden-Vorkloster fi Bregenz u r-referees se jkunu Libor Skruzny u Radoslav Kavulcic mir-Repubblika Ċeka.
It-tim rebbieħ jilgħab kontra Skjren Handball tad-Danimarka fit-tieni round ta’ kompetizzjoni.

