Qorti

Persuni arrestati wara sejba ta’ droga fil-Marsa

Aktar minn tliet persuni kienu arrestati u tresqu l-Qorti mill-Pulizija mill-iskwardra ta’ kontra d-droga wara li għamlet rejd f’kumpless ta’ remissi li jinsab fi Triq it-Tiġrija, l-Marsa. F’dan il-kumpless hemm diversi stallel, u fir-rejd kienet nstabet id-droga eroina, kokaina u oġġetti oħra relatati mat-teħid jew traffikar ta’ droga.

L-Ispettur Pierre Grech, il-Kuntistabbli Keith Muscat u l-Ispettur Gabriel Micallef xehdu fost xhieda oħra. Il-kumpilazzjoni bdiet quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ta’ Carmel Muscat ta’ 40 sena mir-Rabat u Rosario Cortis ta’ 31 sena minn Ħal Qormi.

Dawn jinsabu mixlija li kellhom fil-pussess tagħhom id-droga kokaina u eroina li turi li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.

L-Ispettur Gabriel Micallef qal li l-post fejn instabet id-droga qed jintuża biex tiġi traffikata d-droga. Huwa spjega kif il-Pulizija iffaċċjaw liż-żewġ akkużati u nstabet id-droga fuqhom. Fir-remissa nstab bank żgħir tal-aluminium li kien fih diversi pakketti bid-droga.

Muscat u Cortis jinsabu bil-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Meta tressqu l-Qorti nhar il-Ħadd 31 ta’ Awwissu, l-avukat Franco Debono qal li dan mhux każ ta’ traffikar iżda ta’ pussess aggravate Sadanittant. Erika Vella li skont l-Ispettur Gabriel Micallef xogħolha hu li tippakkja d-droga tinsab bi pleġġ fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.