Sport

Willian jagħti rebħa oħra minima lill-Brażil

Gowl fl-ewwel taqsima mill-plejer ta’ Chelsea Willian kien biżżejjed biex jagħti rebħa lill-Brażil fuq l-Ekwador f ‘partita ta’ ħbiberija fi New Jersey.

Kienet it-tieni rebħa konsekuttiva 1-0 għall-kowċ il-ġdid Carlos Dunga wara dik tal-ġimgħa l-oħra f’partita oħra ta’ ħbibeirja kontra l-Kolombja f’Miami.

Oscar Ramirez u Filipe Luis ta’ Chelsea wkoll kienu nklużi fl-ewwel ħdax.

Il-gowl rebbieħ wasal minn freekick man-nofs siegħa logħob meta Oscar sab lil Neymar li qabbeż fuq id-difiża u Willian skorja b’xutt bin-naħa ta’ barra tas-sieq.
L-Ekwador kien għoddu ġab id-draw sitt minuti wara imma Enner Valencia kellu xutt li laqat sieq il-lasta wara li għeleb lill-gowlkiper Jefferson.

L-attakkant ta’ West Ham kellu wkoll daqqa ta’ ras imtajra minn fuq il-linja minn Luis fis-16-il minuta tat-tieni taqsima fejn l-Ekwador kellhom l-aħjar mumenti.

Il-Brażil, li fost is-sostituti kellhom ukoll lil Philippe Coutinho ta’ Liverpool u Fernandinho ta’ Manchesrter City, kellhom l-aħjar ċans fis-47 minuta imma Neymar falla gowl faċli minn tliet metri bil-gowlkiper fl-art.

Il-logħba li jmiss għal Dunga issa se tkun kontra l-Arġentina fil-11 ta’ Ottubru bl-ewwel impenn kompetittiv tiegħu ikun is-sena d-dieħla fil-Copa America fiċ-Ċile.