Qorti

Ċanfira lil Lisa May Camilleri iżda ma titlifx il-libertà proviżorja

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, ma laqgħetx talba tal-Kummissarju tal-Pulizija biex Lisa May Camilleri, ta’ 48 sena minn Buġibba, terġa’ tiġi arrestata minħabba li allegatament kienet f’ħanut tax-xorb f’Putirjal u bdiet tistaqsi għal eks raġel tagħha. Fid-Digriet mogħti, il-Qorti qalet li Camilleri għandha tħossha fortunata li ma laħqitx eċċediet il-limiti skont il-Liġi, filwaqt li ċanfarha għall-mod kif qed taġixxi.

Il-Maġistrat wissa lil Lisa May Camilleri li “din id-darba, f’termini ta’ logħba futbol, il-ballun ħabatlek mal-lasta u jekk terġa’ tagħmel xi ħaġa nitfgħek il-Ħabs”. Lisa May qed tiġi mixlija li sfurzat lil bintha biex tistqarr li kien sar reat meta fil-fatt ma kienx minnu u biex jittieħdu passi kontra Emanuel Camilleri (ritratt), missier it-tifla. Fil-fatt, il-missier kien ġie kkundannat il-ħabs u dam hemm għal kważi 400 jum. Lisa May tressqet il-Qorti wara li bintha qalet li kienet xebgħet tigdeb fuq missierha wara ordni minn ommha.

Waqt li għaddejjin dawn il-proċeduri, hi ġiet mixlija li kisret il-kundizzjonijiet meta marret tkellem lil żewġ xufiera li kienu fit-Terminus ta’ Putirjal u marret tistaqsihom għall-eks raġel tagħha. Ix-xufiera xehdu dan fil-Qorti. Meta ġie biex jagħti d-deċiżjoni, il-Maġistrat ikkonferma mad-Difiża, immexxija mill-Avukat Martin Fenech, li bħalissa Lisa May qed tgħix ma’ oħtha f’Wied il-Għajn.

Id-Digriet tal-Qorti jgħid li meta rat ir-Rikors tal-Pulizija, mingħajr tlaqlieq qalet li l-verżjoni mressqa mill-Prosekuzzjoni hi l-verżjoni l-aktar attenibbli. M’hemm xejn x’jindika wkoll li ddubitat minn dak li ż-żewġ xufiera qalu fil-Qorti. Id-Digriet jgħid ukoll li minkejja t-taħwid u l-konfużjoni fid-dati, m’hemmx kontestazzjoni li l-imputata u ommha dakinhar kienu f’gabbana f’Putirjal. F’dan il-ħin omm Lisa May, Mary Carabott, bdiet tgħaddi l-kummenti u tgħid li dan ma kienx minnu, bil-Maġistrat spiċċa jkeċċieha mill-Awla.

Il-Qorti kompliet tgħid li m’għandha ebda dubju li meta l-akkużata u ommha kienu hemm, kienu preżenti wkoll ix-xufiera Martin Grech u Saviour D’Amato, li qalu li kellhom kuntatt mal-akkużata, anke jekk min-naħa tagħha Liza May u ommnha ċaħdu kategorikament li sar dan il-kuntatt verbali. L-omm u bintha qalu li lanqas biss jafu li qatt iltaqgħu maż-żewġ xufiera. Il-Maġistrat Farrugia qal li t-Tlieta li għadda l-Qorti ma ġiet impressjonata xejn bil-bews tal-kurċifiss u s-santa ta’ iben l-akkużata minn Lisa May u ommha.

Il-Qorti qalet li hi konvinta li l-akkużata u ommha kienu fil-gabbana f’Putirjal u kien hemm kuntatt verbali maż-żewġ xufiera. Il-Qorti qalet li f’materja bħal din, fejn hemm il-potenzjal tat-telfien tal-libertà, il-prinċipju regolatorju hu li l-interpreteazzjoni trid tkun waħda ristretta u mhux wiesgħa. Ingħad li jidher li l-akkużata staqsiet jekk l-eks raġel tagħha kienx jaħdem hemm u jidher ukoll li lissnet il-kliem “se jitfani l-ħabs”. Il-Prosekuzzjoni għamlet id-dover tagħha u sew li ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti.

Il-Maġistrat Farrugia qal li d-Difiża m’għandhiex raġun tgħid li dan ir-Rikors sar b’xi forma ta’ vendetta minn xi ħadd. Il-Prosekuzzjoni kienet tkun qed tonqos li kieku dawn il-fatti ma kienu mgħarrfa lill-Qorti. Il-Qorti qalet li tinsab konvinta li l-akkużata aġixxiet u ġabet ruħha skont kif qalu ż-żewġ xhieda tal-Prosekuzzjoni. Dan ifisser li ċ-ċaħda min-naħa tal-akkużata u ommha ma kkonvinċiet xejn u fatt importanti hu l-atteġġjament tal-akkużata, li hu l-aktar frott xejn feliċi ta’ edukazzjoni bażika li għandha.

Minkejja dan kollu, il-Qorti kienet tal-fehma li filwaqt li dak li għamlet u qalet l-akkużata ma jawgura xejn tajjeb f’kuntest morali, f’din il-battalja sħiħa li għaddejja minnha l-familja kollha, dak li effettivament għamlet u qalet l-akkużata b’mod tekniku ma jiksirx xi kundizzjoni. Il-fatt li staqsiet jekk Emanuel Camilleri jaħdimx hemm u l-kliem li qalet ma kinitx, fil-kuntest legali, qed tkellem jew tavviċina lil Emanuel Camilleri, qalet il-Qorti.

Finalment id-Digriet jgħid li l-akkużata tista’ tqis lilha nnifisha fortunata li ma laħqitx eċċediet il-limiti, bil-Qorti terġa’ tammoniha bil-konsegwenzi serji f’każ ta’ ksur ta’ waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.