Lokali Saħħa

Diżgwid fost ħaddiema fis-settur tas-Saħħa wara karigi ġodda li ħoloq il-Gvern

Karigi ġodda li l-Gvern qed jagħmel fis-settur tas-Saħħa qed iġibu diżgwid fost l-impjegati fis-settur, patrikolarment fid-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja. Jirriżulta li minbarra l-Kap Eżekuttiv, fid-Dipartiment tal-Kura Primarja hemm ukoll Nursing Manager u tliet District Managers oħrajn.

Dawn huma responsabbli mit-tmexxija taċ-Ċentri tas-Saħħa, iżda ftit ġimgħat ilu l-Gvern ħoloq kariga oħra u għażel persuna oħra biex titpoġġa bħala Direttur għall-Infermiera u s-Servizzi tal-Qwiebel.

Barra minhekk, mill-aħħar ta’ Awwissu, persuna minn barra ċ-Ċivil ingħatat kuntratt ta’ sentejn bħala Operations Manager fuq l-impjegati kollha taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Din il-kariga ġabet diżgwid u nuqqas ta’ motivazzjoni fost l-impjegati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, li qed iħossu li hemm xi ħadd li qed jgħassilhom regolarment.

Din l-atmosfera negattiva nħolqot ukoll fost il-Health Assistants u Nursing Aids li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Dawn kienu mwiegħda li l-allowance tal-Katgorija A li jieħdu t-Tobba u l-Infermiera se tibda tingħata lilhom ukoll. Madankollu, issa t-tweġibiet li qed jingħataw mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne huma li m’hemmx biżżejjed flus biex jingħataw dawn il-benefiċċji.

Ħaddiema li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li ma jistgħux jifhmu kif instabu flus biżżejjed biex ikunu impjegati nies ġodda, iżda m’hemmx flus għan-Nursing Aids u Health Assistants. Jirriżulta li l-persuni impjegati ġodda jitħallsu pagi tajbin ħafna.