Editorjal

Editorjal: Gvern bla roadmap… u bla steering

L-inċident li fih karozza tal-linja spiċċat bla steering, bis-sewwieq juri l-isteering lil sewwieq ieħor li kien għaddej qrib, u bl-inċident iffilmjat u li rawh fuq Youtube 650,000 darba, juri f’minuta l-qagħda tat-trasport pubbliku kemm ilu f’idejn il-Gvern Laburista fl-aħħar tmien xhur: qagħda agħar.

Kampanja tal-Labour tliet snin ilu
Il-Labour tliet snin ilu kien organizza kampanja orkestrata u qawwija kontra r-riforma tat-trasport pubbliku. Dik ir-riforma ma kinetx bdiet tajjeb meta effettivament kellha strajk minn parti sewwa mis-sewwieqa ġodda li kellhom jibdew iħaddmu s-sistema.

Issa l-Labour m’għandu l-ebda skuża
Imma issa l-Labour ilu sena u nofs fil-gvern u ma għandu l-ebda skuża għas-sitwazzjoni fit-trasport pubbliku kif ġabha hu. Illum m’hemm l-ebda dubju li l-Gvern Laburista t-trasport pubbliku għamlu agħar.

Kjuwijiet, nuqqas ta’ manutenzjoni, xiri ħażin
Kulħadd jista’ jara l-kjuwijiet twal, in-nuqqas ċar ta’ manutenzjoni fil-karozzi, il-vjaġġi tal-ħafna karozzi li jkunu bil-ħsara ma jsirux għax karozzi flokhom ma jmorrux, karozzi mixtrijin mill-Gvern Laburista bla arja kundizzjonata u bla twieqi, ħaddiema skoraġġiti għax il-Gvern jilgħab bid-diskors fuq l-impjiegi tagħhom.

Żjara tinten fi Spanja
Li hu agħar it-trasport pubbliku nafuh sew. U hemm il-privatizzazzjoni mill-ġdid. Bi ġrajja serja: iż-żjara tinten ħafna tal-Ministru Joe Mizzi u ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta kontra l-kundizzjonijiet li l-Gvern stess għamel fis-sejħa għall-interess.

Xnigħat imwasslin lill-gazzetti
Wara ż-żjara tinten, u n-negozjati li għadhom għaddejjin, issa hemm xnigħat minn ġewwa mwasslin lill-gazzetti dwar is-sussidju u n-nollijiet kemm se jkunu.

Il-logħob u s-sod
Smajna logħob biċ-ċifri li jrid jitqabbel mas-sod li nafu s’issa. S’issa, il-passiġġier jaf x’iħallas: €1.50 għal ġurnata sħiħa vvjaġġar – €0.50 fil-każ tal-anzjani u t-tfal, ġimgħa sħiħa b’€6.50, jiġifieri lanqas ewro kuljum – u fil-każ tal-anzjani u t-tfal €2.30, u saħansitra orħos għal xahar u tliet xhur.

Is-sussidju kien 10 miljun ewro biss fis-sena
Nafu wkoll li sa sena u nofs ilu, it-taxpayer Malti kien joħroġ anqas minn 10 miljun ewro fis-sena sussidju u l-kumpanija li kienet ħadet it-trasport pubbliku f’idejha kienet ħadet ukoll is-sogru tat-telf li kienet tħallsu hi. Dak kien l-għaqal tal-Gvern Nazzjonalista.

Bla roadmap u bla steering
Issa għandna Gvern li t-trasport pubbliku kien jgħid li ma setax ikun agħar u xorta rnexxielu jagħmlu agħar. Gvern Laburista li qal li kellu roadmap u li llum hu ċar li mhux talli ma għandux roadmap, talli lanqas steering m’għandu.