Lokali

Filmat: Reazzjoni qawwija mill-ġenituri u anke mill-Union tal-Għalliema

Dak li tħabbar mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali, Michael Farrugia, qajjem reazzjoni qawwija mill-ġenituri u anke mill-Union tal-Għalliema.

Dan hekk kif il-Ministru Farrugia qal li mis-sena skolastika li ġejja u li se tibda fi żmien ħdax-il ġurnata, il-ġenituri jridu jippreżentaw ċertifikat mediku għal kull jum li t-tfal ifallu l-iskola.

Omm li tkellmet ma’ dan l-istazzjon qalet li l-awtoritajiet iridu jimxu każ b’każ  u jaraw il-kundizzjonijiet tat-tfal partikolari.

L-Omm qaltilna li t-tifel tagħha jbgħati bl-awtiżmu u għalhekk bilfors trid twaslu hi l-iskola.

Hi sostniet li dak li l-gvern se jagħti lill-ġenituri se jeħodhom lura f’ċertifikati.

Fi stqarrija, il-Union tal-Għalliema, l-MUT, qalet li għalkemm taqbel fil-prinċipju li jonqsu t-tfal li jfallu l-iskola, temmen illi bidliet bħal dawn, li jidħlu fis-seħħ daqsekk malajr u mingħajr ma jkunu mibnija fuq miżuri oħra li jsaħħu dawk id-deċiżjonijiet, ma tarax li din it-tip ta’ politika tista’ taħdem.

L-MUT tgħid wkoll li deċizjoni bħal din tista’ twassal biex ġenituri li jkollhom it-tfal ftit ma jifilħux, minflok iħallsu għaċ-ċertifikat, jibdew jiddeċiedu li jibgħatuhom l-iskola xorta waħda u dan għad-detriment ta’ tfal oħra u anke għall-għalliema.