Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern għandu jannulla l-LN76 – il-PN

Bosta ġenituri jinsabu mħassba bl-attitudni tal-Gvern li diġà beda jiġbor informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti. B’referenza għal dan, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar qal li l-Gvern għandu jannulla l-Avviż Legali 76 (LN76), li permezz tiegħu se jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-istudenti. Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll id-Deputati Paula Mifsud Bonnici u Claudette Buttigieg.

Paula Mifsud Bonnici qalet li minkejja li bħalissa għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-LN76, il-Gvern diġà beda jiġbor informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni talab lill-Kapijiet tal-Iskejjel biex jagħtu informazzjoni dwar l-istudenti li jbatu minn kundizzjoni medika u x’inhi din il-kundizzjoni.

Il-Kelliema għad-Drittijiet tal-Konsumatur qalet li l-Oppożizzjoni kkritikat l-LN76 għaliex imur kontra d-drittijiet tal-privatezza tal-istudenti. Il-Partit Laburista fil-Gvern kellu jirrevoka dan l-Avviż Legali, iżda s’issa mhux talli ma sar xejn, talli diġà beda jitlob informazzjoni sensittiva mingħajr il-permess tal-ġenituri ta’ dawn l-istudenti.

Min-naħa tiegħu, Joe Cassar spjega l-proposti tal-Oppożizzjoni f’dan il-qasam. Semma’ li llum stess, il-Partit Nazzjonalista bagħat ittra lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia, li fiha spjega n-nuqqasijiet li għad għandu l-LN76. Fost oħrajn, li meta tkun se tinġabar data għall-interess nazzjonali, hu l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data li jiddeċiedi jagħtix dan il-permess.

Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni kellha raġun meta opponiet bil-qawwa kontra l-LN76. Il-Gvern ipprova jdaħħal dan l-Avviz Legali bil-moħbi tal-poplu Malti u Għawdxi u dan mhux aċċettabbli. Sostniet li bħala ġenitur tinsab imħassba bl-attitudni tal-Gvern f’dan ir-rigward.