Internazzjonali

L-ebda ‘refuġju’ għall-IS, bir-Russja twissi dwar is-Sirja

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, hedded li lest biex jieħu azzjoni militari kontra t-terroristi tal-grupp Stat Izlamiku (IS) li zviluppa l-kalifat tiegħu fl-artijiet li qed jokkupa fl-Iraq u s-Sirja.

Obama stqarr, waqt diskors, li kwalunkwe grupp – inkluż l-IS – li jhedded lill-Istati Uniti m’għandux isib refuġju jew ħajt ta’ kenn, iżda r-Russja, aktar tard, wissiet li kwalunkwe attakki mill-ajru tal-Amerikani kontra l-militanti fis-Sirja għandhom jammontaw għal ‘abbuż kbir’ tal-liġi internazzjonali.

Obama ħabbar ukoll li xi 475 militar Amerikan għandhom jintbagħtu lejn l-Iraq, iżda mifhum li dawn m’humiex se jinvolvu ruħhom fil-ġlied li għaddej bħalissa.

Madankollu l-istqarrija ta’ Obama rriżultat f’reazzjoni qawwija minn Moska li hi alleata antika tal-President Sirjan, Bashar al-Assad.

Fil-fatt, kelliema Russi sostnew li l-President Amerikan tkellem direttament dwar il-possibbilta ta’ attakki mill-qawwiet Amerikani fuq il-pożizzjonijiet tal-IS fis-Sirja ‘u mingħajr il-kunsens tal-Gvern leġittimu fil-belt ta’ Damasku’.

Ir-Russja kompliet li pass bħal dan mingħajr id-deċiżjoni speċifika tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jitqies bħala att ta’ aggressjoni.

Is-Sirja wkoll irrepetiet it-twissija li l-Istati Uniti teħtieġ tikkoordina mal-Gvern Sirjan qabel tista’ tibgħat il-qawwiet tal-ajru tagħha kontra t-terroristi tal-grupp IS fl-artijiet Sirjani.

Il-Ministru Sirjan għal Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, Ali Haidar, fil-fatt għamilha ċara li kull azzjoni aggressiva ta’ dan it-tip, mingħajr il-kunsens ta’ Damasku, jammonta għal ‘attakk fuq is-Sirja’. Proprju x-xahar li għadda, is-Sirja kienet offriet li tgħin lill-Amerikani biex jikkumbattu lit-terroristi tal-IS, iżda l-Amerikani warrbu l-offerta.

L-Istati Uniti, sallum, mexxiet aktar minn 150 attakk mill-ajru kontra l-grupp Stat Iżlamiku fl-Iraq u fejn anki pprovdiet l-armi lill-qawwiet Iraqqin u Kurdi li qed jirreżistu lit-terroristi li għandhom fama għall-brutalita bla heda.

Il-militanti tal-IS, intant, għadhom qed imexxu renju ta’ terrur fl-artijiet ikkontrollati minnhom u fejn qed jiddominaw il-massakri tal-innoċenti.

Sadanittant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, qed ikompli biż-żjara fil-Lvant Nofsani fejn spikkat sensiela ta’ laqgħat bejnu u r-rappreżentanti tal-Għarabja Sawdija fil-belt ta’ Jeddah.

Kerry, li kellu diġa taħditiet fl-Iraq, qed jiddiskuti wkoll mar-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Golf li huma sinjuri fiż-żejt, u fejn hu anki involut f’taħditiet mal-uffiċjali tal-Eġittu, l-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija bl-iskop li jkattar koalizzjoni kontra l-militanti tal-Istat Iżlamiku.

Fost l-issues li hemm taħt diskussjoni hemm it-taħriġ għar-ribelli Sirjani fl-artijiet tal-Għarabja Sawdija u l-possibbilta li l-pajjiżi tar-reġjun jagħtu permess lill-Istati Uniti biex l-ajruplani tal-gwerra tagħha jagħmlu użu akbar mill-ispazju tal-ajru tagħhom.