Qorti

L-eks sieħba tar-Rumen akkużat bi traffikar ta’ nisa għal skop ta’ prostituzzjoni tgħid li kien isawwatha u ħadilha l-flus kollha tal-klijenti

Mariaca Daresco, tfajla Rumena u waħda mill-allegati vittmi ta’ prostituzzjoni, qalet li ġiet sfurzata minn Alexandru Onofrei, Rumen ta’ 26 sena, biex tibda tipprostitwixxi ruħha. Qalet li l-ħajja feliċi ta’ mħabba li kellha miegħu spiċċat f’ħolma kerha wara li nbidel mill-lum għal għada. Qalet li jekk ma tagħmilx dak kien li kien jgħidilha kien isawwatha, tant li darba minnhom kien kważi qalalha xagħra.

Sostniet li Onofrei hu bniedem perikoluż, li lilha kien ħadilha l-flus kollha tat-tliet klijenti li kienet marret magħhom u mhux bħall-allegata vittma Rumena l-oħra, li kienet tieħu 60% tal-flus li taqla’ u l-bqija tagħtihom lill-akkużat.Qalet ukoll li anke llum qed tibża’ li xi darba jsibha u jagħmlilha xi ħaġa. Sostniet li ma tantx kienet titkellem mal-allegata vittma l-oħra, Pilaf Anisoara, li t-Tlieta li għadda qalet li kienet tipprostitwixxi lilha nnifisha f’appartament f’San Ġwann.

Daresco qalet li t-tliet klijenti, żewġ Taljani u Tork, kellha x’taqsam magħhom sesswalment f’lukandi ewlenin u mhux f’appartament. Qalet ukoll li tal-ikel, il-kumpanija u s-sess, li kien idum nofsiegħa, kienet teħdilhom €300. Ir-Rumena kienet qed tixhed fil-kawża kontra Alexandru Orfei, li qed jiġi mixli bi traffikar ta’ persuni u li għex mill-prostituzzjoni fil-konfront taż-żewġ tfajliet Rumeni.

Il-Qorti ċaħdet it-talba mid-Difiża għal-libertà proviżorja tal-akkużat, filwaqt li ordnat li jiġu ffriżati l-assi tiegħu u li ż-żewġ allegati vittmi u bint waħda minnhom flimkien mal-familji rispettivi tagħhom jingħataw il-protezzjoni.

Mariaca Daresco kompliet tgħid li qatt ma riedet tagħmel dan ix-xogħol u lanqas approvat li l-akkużat magħruf bħala “Alex”, ipoġġi ritratti u isimiha fuq sit elettroniku li jirreklama l-call girls. Qalet li l-akkużat kien issawatha u anke jsakkarha biex ma tmurx fejn trid hi. Dwar telefonati li kienu jsiru minn klijenti, qalet li ħafna minnhom kienet taqtalhom fil-qasir u tgħidilhom li għandha x’tagħmel. Qalet li Alex kien taha żewġ mobiles biex il-klijenti jċemplu fuqhom.

Dwar meta l-Pulizija marru Ħal Qormi, qalet li l-akkużat kien taha daqtejn ta’ ħarta għax ma kellhiex flus x’tagħtih. Wara, marret miegħu għand ħabib li organizza barbecue u hemm kienet xorbot sew. Wara li komplew jiġġieldu, qaltlu biex jerġa’ jeħodha San Ġwann, iżda ħadha Ħal Qormi. Dwar jekk kinitx hi li dakinhar ċemplet lill-Pulizija, qalet li ma tiftakarx għax kienet fis-sakra. Qalet li ma tiftakarx sew lanqas x’kien ġara meta waslu l-Pulizija minħabba li ma kinitx f’sensiha. Li tiftakar hu li kienet qalet lill-Pulizija li Alex kien sawwatha.

Għal mistoqsija tal-Avukat Martin Fenech, li qed jidher għall-akkużat u li fakkar li Anisoara qalet li ma kinitx hi li ċemplet, ix-xhud reġgħet qalet li ma tiftakarx. Madankollu, qalet li tiftakar li kien ġieha l-ħsieb li ċċempel lill-Pulizija, iżda mhix ċerta kinitx hi. Qalet li saħansitra setgħu kienu l-ġirien. Għal mistoqsija oħra tal-Avukat Fenech, jekk kinitx ilha tipprostitwixxi lilha nfisha Malta ma’ ħabiba tagħha li jisimha Daniela, ix-xhud ċaħdet. Għaldaqstant, l-Avukat Fenech staqsieha dwar kif kienet titrasferixxi madwar €1,000 lill-akkużat u lil ommu permezz tal-Western Union.

Daresco qalet li l-flus bagħtihom minn dak li kienet taqla’ u li kellha meta kienet ġiet Malta. Sostniet ukoll li meta marret taħdem fil-gentlemen’s club kienet irranġatilha waħda taħdem hemm. Għal domanda oħra tad-Difiża, qalet li kienet tagħmel xogħol ta’ pole dancing u tixrob mal-klijenti iżda ma kienx ikollha x’taqsam sesswalment.

Dwar ritratti li ħadet ma’ Anisoara, qalet li kienet taf li dawn kienu se jintużaw għal skop ta’ prostituzzjoni u li Anisoara kellha titlaq lejn l-Italja ma’ bintha ta’ 15-il sena. Qalet li ġiet Malta fis-27 ta’ Mejju 2014 u l-akkużat kien diġà Malta. Kienu ilhom flimkien mill-2007 u wara perjodu mhux flimkien, kienu reġgħu ngħaqdu flimkien.

Ix-xhud qalet li f’Malta l-akkużat ma kienx jaħdem u kienu qed jgħixu għax kien biegħ il-karozza. Qalet li ma kienx jagħtiha flus imma kien jixtrilha l-ikel u sigaretti. Alexandru Onofrei qed iwieġeb mhux ħati li ttraffika lil Pilaf Anisoara u Mariaca Daresco u li sfurzahom jipprostitwixxu lilhom nfushom kontra l-volontà tagħhom. Qed jiġi mixli wkoll li għex minn fuq il-prostituzzjoni u li mexxa burdell.